Budget2022
Il-miżuri ewlenin fis-settur tax-xogħol – ara liema huma hawn

Fid-diskors tiegħu għall-baġit tas-sena d-dieħla, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar għadd ta’ miżuri b’rabta mas-settur tax-xogħol.

Ewlenin fosthom żieda fl-in-work benefits, tnaqqis fir-rata tat-taxxa tal-part-time u l-overtime u rifużjoni tat-taxxa lil kull min jaħdem f’Malta.

Il-ħaddiema kollha se jingħataw rifużjoni tat-taxxa għal sena oħra bl-ammont li wieħed se jirċievi issa se jkun bejn €60 u €140. B’hekk, 250,000 persuna se jkunu qed jieħdu bejniethom €24 miljun.

Bil-għan li l-ħaddiema ta’ issa jkollhom pensjoni aħjar dawn se jkunu jistgħu iħallsu l-bolla tas-sigurtà soċjali fuq aktar minn xogħol part time wieħed sa’ massimu ta’ 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa.

Il-Ministru tal-Finanzi ħabbar tnaqqis fir-rata ta’ xogħol part-time minn 15% għal 10% kif ukoll se tonqos għal 15% ir-rata tat-taxxa fuq l-ewwel €10,000 dħul mill-overtime li jsir minn ħaddiema li jaqilgħu inqas minn €20,000 fis-sena.

Il-Ministru Caruana qal li l-Gvern se jħallas doppju tas-sigħat ta’ xogħol li jinħadmu fil-Ħdud lill-ħaddiema mal-kuntratturi li jipprovdu xogħol lis-settur pubbliku.
Mis-sena d-dieħla, familji u persuni waħidhom b’paga bażika, se jkomplu jibbenefikaw mill-in-work benefits.

Koppji li jaħdmu it-tnejn se jkollhom il-limitu tad-dħul tagħhom jitla’ minn €35,000 għal €50,000 biex jieħdu l-in-work benefit, koppji b’ġenitur wieħed biss jaħdem se jaraw il-limitu tad-dħul jitla’ minn €26,000 għal €35,000 u għal ġenituri waħedhom li jaħdmu se jitla’ minn €23,000 għal €35,000 fis-sena.

Fid-diskors tiegħu ntqal li se jkun estiż is-servizz taċ-childcare b’xejn għall-ħaddiema li jaħdmu filgħaxijiet, fi tmiem il-ġimgħa, jew bix-xift.

Sabiex pajjiżna jkollu stampa ċara u wiesgħa tal-ħiliet tal-ħaddiema f’pajjiżna, il-Ministru Caruana qal li se jkun qed isir ċensiment tal-ħiliet tal-ħaddiema u li se jkun l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu fl-Ewropa.

Fl-istess waqt qal li se jkun qed jitwaqqaf Fond ta’ Taħriġ ta’ €2 miljun u sostna li mhux eskluż li jiżdied biex l-industrija tkun tista’ tħarreġ lil ħaddiema bi programmi speċjalizzati magħmulha minnha.

Il-Ministru Caruana ħabbar ukoll li se jitnieda sit elettroniku għall-ħaddiema vulnerabbli biex jiċċekkjaw xi drittijiet għandhom waqt li jsibu wkoll templates ta’ kuntratti tax-xogħol bil-għan li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati waqt li jiġi miġġieled il-prekarjat.