Politika
Il-miżuri qed jittieħdu skont ix-xenarju mediku u l-ħtiġijiet tal-poplu – Il-PM

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li kien hemm qbil unanimu fil-kabinett, u anke mal-awtoritajiet tas-saħħa, dwar il-miżuri li tħabbru l-Ħamis, u ġew irfinuti l-Ġimgha, għal persuni vulnerabbli.

Dr Abela qal li din is-sitwazzjoni bla preċedent u l-miżuri li jitħabbru jridu jsiru skond ix-xenarju fil-qasam mediku, iżda jittieħdu ukoll mingħajr suppervja, anke wara li l-gvern jisma’ u jagħti każ il-ħtiġijiet ta’ sezzjonijiet tal-poplu. Il-Prim Ministru wissa kontra li din l-kwistjoni tiġi politiċizzata b’messaġġi partiġġjani u popolisti.

Dr Abela qal li l-pandemija tal-coronavirus tingħeleb bis-sagrifiċċju ta’ kulħadd. Wera sodisfazzjon li l-maġġoranza qed jobdu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u appella biex in-nies jibqgħu viġilanti u jimxu mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Intervistat fuq One Radio, il-Prim Ministru spjega li d-deċiżjonijiet li ħabbar nhar il-Ġimgħa ġew maqbula mal-awtoritajiet tas-saħħa u b’mod unanimu ġew approvati mill-kabinett, li l-Ġimgħa li għaddiet iltaqa’ tliet darbiet. Żied jgħid li f’dis-sitwazzjoni bla preċedent, il-Gvern jimxi dejjem mal-parir xjentifiku u aġġusta fejn ikun hemm bżonn. Huwa appella biex il-persuni li jgħixu mal-anzjani u persuni vurnerabbli jagħmlu l-almu tagħhom biex isegwu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa, fosthom li jżommu d-distanza anke meta jkunu fid-dar tal-għeżież tagħhom.

Dr Abela qal li huwa kburi li l-Għaqda Dinija tas-Saħħa tat ċertifikat ta’ eċċellenza lill-pajjiżna u ddeskrivitu bħala mudell fil-mod kif l-awtoritajiet Maltin wieġbu għall-pandemija tal-Covid19. Qal li mill-bidunett, il-gvern segwa l-pariri xjentifiċi u mexa b’mod prudenti, mingħajr ma ordna miżuri estremi biex jevita li l-poplu jkun xeba u ma jobdix f’mumenti kruċjali jekk ikun meħtieġ li jiddaħħlu restrizzjonijet iżjed iebsin.

Dwar il-pakkett finanzjarju biex itaffi l-effetti ekonomici tal-pandemija, il-Prim Ministru qal li dan qed jiswa lil-Gvern €70 miljun fix-xahar u huwa għaxar darbiet ikbar mill-pakkett li kien ta gvern Nazzjonalista fil-kriżi tal-2009. Qal li dan il-pakkett, bil-kuntrarju ta’ dak li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista, ser jgħin 110,000 ħaddiem u ser jgħin l-aktar lill-ħaddiema bl-inqas paga, waqt li bil-proposti tal-Partit Nazzjonalista dawn kienu ser jispiċċaw b’anqas flus f’idejhom. Żied jgħid li l-Gvern għandu ruħ soċjali u mhux ser jixxaħħaħ mal-ħaddiema.

Il-Prim Ministru qal li ’l quddiem jitħabbru aktar miżuri wara tal-patt soċjali storiku maqbul mal-imsieħba kollha fl-MCESD. Il-Prim Ministru qal li l-pakkett finanzjarju jirrifletti l-vot ta’ fiduċja li għandu l-gvern fl-impjegati, in-negozji u l-ħaddiema kollha Maltin. Qal li l-gvern qed jieħu d-deċiżjonijiet b’għaqal u l-istrateġija ekonomika qed taħseb ukoll għal meta l-pandemija tkun għaddiet u jibda jiffaċċja r-riperkussjonijiet ekonomiċi ikkaġunati minħabba l-Covid 19.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li jrid politika tal-perswazjoni u mhux tal-arroganza u qal li l-partit għandu jgħaraf li fejn żbalja waqt li għandu l-obbligu li jibni fuq it-tajjeb…

Kronaka

Raġel ta’ 52 sena mis-Siġġiewi jinsab midrub gravi wara li waqa’ minn fuq scaffolding ta’ madwar żewġ sulari. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu f’sit ta’ kostruzzjoni, f’Misraħ Forok, ir-Rabat. Il-Pulizija…

Immigrazzjoni

L-ekwipaġġ tal-bastiment Europa II jinsab għall-kenn wara t-tanker CURACAO ‘l barra mill-ponta tal-Jerma f’Wied il-Għajn wara li l-ekwipaġġ Malti kellu jabbanduna l-pożizzjoni tiegħu mat-13-il mil ‘il barra minn Malta, minħabba…

Aktar