Lokali
“Il-miżuri tal-budget se jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema” – il-Ministri Cardona u Bartolo

Il-Ministri Evarist Bartolo u Chris Cardona elenkaw uħud mill-miżuri mħabbra fil-Budget fil-qasam tax-xogħol u l-ekonomija. Fost oħrajn saret referenza għaż-żieda ta’ ġurnata oħra leave għall-ħaddiema u t-tnaqqis tat-taxxa fuq is-sahra tal-ħaddiema kif ukoll l-għajnuniet għan-negozji biex jespandu l-operat tagħhom u joħolqu postijiet tax-xogħol ġodda.

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li bil-miżuri mħabbra fil-Budget għas-sena d-dieħla, il-ħaddiema se jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-Ministru Bartolo qal li waħda mill-miżuri l-iktar għal qalbu hi ż-żieda ta’ ġurnata oħra frank lill-ħaddiema. Qal li din il-miżura qed toħloq iktar bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.

Semma wkoll l-miżura tat-tnaqqis fit-taxxa fuq is-sahra għall-ħaddiema li jaqilgħu sa €20,000, li għall-ewwel mitt siegħa sahra se titħallas b’rata ta’ taxxa ta’ 15%. Qal li din se tagħti nifs lill-ħaddiema għax se jibqgħalhom iktar flus fil-but. Semma r-rifużjoni tat-taxxa li minnha se jgawdu madwar 200,000 ħaddiem u ż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fl-allowance għar-romol.

”It-tkabbir ekonomiku li għandna f’pajjiżna ġej mix-xogħol, ġej min-nies li jaħdmu u allura aħna rridu nippremjaw lin-nies li jaħdmu.”

Il-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona, qal li l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità se tibqa’ prijorità għall-Gvern. Il-Ministru Cardona qal li s-surplus fil-finanzi pubbliċi se jixpruna lill-Gvern biex itejjeb il-qagħda tal-ħaddiema. Żied li l-Gvern se jkomplu joffri l-għajnuna lin-negozji fosthom bl-iskemi Business First, Start Up Finance u Microinvest. Irrefera għall-iskema li se tvara l-Malta Enterprise biex tgħin negozji li jħaddmu persuni b’diżabbiltà.

”Se nkomplu nagħtu ċ-ċans biex kull min iħaddem jirregolarizza ruħu. Ovvjament jekk ma jagħtix kas, ikollhom jittieħdu l-passi neċessarji f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħlas ta’ bolla.”

Dr Cardona qal li l-Budget għas-sena d-dieħla jixhed li l-Gvern hu l-uniku għażla fil-pajjiż li jista’ jmexxi l-ekonomija b’mod responsabbli.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Natalie Bonello ta’ 45 sena wieġbet mhux ħatja li serqet anzjana iżda baqgħet taħt arrest minħabba biża’ ta’ intraċċ tal-provi. Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Jonathan Ransley, qalet li hemm persuna oħra…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci se tkun qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet fin-12.30pm. Hi mistennija tagħti l-aħħar aġġornamenti tal-COVID-19 f’pajjiżna. Il-konferenza se tixxandar live fuq TVM, tvm.com.mt u fuq Facebook.

Infrastruttura

Infrastructure Malta u l-Bicycle Advocacy Group (BAG) qegħdin jaħdmu flimkien biex itejbu s-sigurezza u l-effiċjenza tal-infrastruttura ġdida għaċ-ċiklisti fi proġetti li qegħdin isiru bħalissa jew li huma ppjanati għaż-żmien li…

Aktar