Lokali
Il-mollijiet tal-Port il-Kbir b’sistema biex jonqos it-tniġġis tal-arja

Il-mollijiet tal-Port il-Kbir qed ikunu attrezzati b’sistema ta’ elettriku li tkun tista’ tintuża mill-vapuri tal-passiġġieri u tal-merkanzija li jorbtu max-xatt. Din is-sistema hija ntiża biex il-vapuri jibdew jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gass jew il-heavy fuel oil, żewġ sors ewlenin ta’ tniġġis fl-arja. B’dan il-proġett ta’ madwar €50 miljun se jitħares l-ambjent u s-saħħa tan-nies li jgħixu fl-inħawi hemm kif se jonqos it-tniġġis u titjieb il-kwalità tal-arja għall-familji li jgħixu fl-akwalit tal-Port.

Iktar minn 8 kilometri ta’ cables tal-elettriku bdew jitpoġġew taħt l-art fl-akwati tal-Port il-Kbir bil-għan li titjieb il-kwalità tal-arja f’din iż-żona li hija waħda mill-iktar mniġġsa kawża tad-dħaħen li joħorġu mill-vapuri.

Il-kuntratturi tal-proġett qed iħaffru trinek f’diversi postijiet tul ix-xatt tal-port biex ipoġġu l-cables tal-elettriku miċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-Enemalta fil-Marsa, lejn il-mollijiet tal-vapuri tal-passiġġieri fil-Furjana, il-Marsa u l-Isla.

L-ewwel fergħa ta’ din is-sistema, li mistennija tkun lesta dalwaqt, se twassal l-elettriku miċ-ċentru tad-distribuzzjoni lejn il-moll ta’ Xatt l-Għassara tal-Għeneb, fejn Infrastructure Malta se tibni wieħed mill-istazzjonijiet li jibdlu l-frekwenza tal-elettriku.

It-tieni konnessjoni se tinżel lejn il-Menqa u l-Moll tal-Knisja fil-Marsa. Minn hawn, il-cables jinżlu taħt l-ilma biex jaqsmu lejn Xatt il-Faħam f’Kordin, fejn ikomplu għaddejjin minn taħt l-art fid-direzzjoni ta’ Boiler Wharf, fl-Isla.

B’hekk, is-sistema ser tilħaq il-ħames mollijiet ewlenin li jużaw il-vapuri tal-passiġġieri meta jżuru Malta. F’kull moll, Infrastructure Malta qed tibni impjanti għat-tagħmir tal-elettriku.

Grand Harbour Clean Air Project [4-3-21]
Il-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li proġett qed isir b’investiment ta’ kwazi €50 miljun, u mistenni jnaqqas b’aktar minn 90% t-tniġġis fl-arja tad-dħaħen tal-vapuri biex mas-17,000 familja li jgħixu fl-akwati tal-port se jkollhom kwalità ta’ arja aħjar.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett li qed isir b’ko finanzjament ta’ fondi ewropej, mhux biss jgħin biex jintlaħqu l-miri ambjentali ta’ Malta imma jikkumplimenta l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar it-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent.