Ekonomija u Finanzi
Il-moratorju fuq is-self estiż – s’issa bbenefikaw 560 negozju u 44,000 ħaddiem

Il-moratorju fuq is-self lill-kumpaniji taħt l-iskema ta’ garanzija tal-Covid-19 ġie estiż bi tliet xhur sal-aħħar ta’ Settembru li ġej.

Il-Kummissjoni Ewropea appovat ukoll li l-perjodu massimu tal-moratorju li jista’ jingħata mill-banek kummerċjali taħt is-CGS, jista’ jiġi estiż b’sitt xhur oħra sa 18-il xahar, fuq bażi ta’ każ b’każ.

Fi stqarrija l-Bank Malti għall-Iżvilupp qal li din l-iskema s’issa għenet aktar minn 560 negozju, li bejniethom iħaddmu aktar minn 40,000 persuna.

In-negozji, li jinkludu lukandi, stabbilimenti kummerċjali u negozji żgħar irċivew bejniethom aktar minn €440 miljun f’self fuq working capital permezz ta’ disa’ banek kummerċjali.

Intqal li kumpaniji relatati mat-turiżmu, b’mod partikolari fil-qasam tal-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel, kif ukoll attivitajiet ta’ bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, li kienu l-aktar milquta bil-pandemija, ingħataw bejniethjom kważi €200 miljun, jew aktar minn 45% tas-self kollu sanzjonat taħt is-CGS.