Unjoni Ewropea
Il-MPE Saliba magħżul Chairperson għall-Politika Ewropea mill-għaqda SME Connect

L-MPE Alex Agius Saliba ġie magħżul mill-għaqda li tirrappreżenta eluf ta’ intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju fuq livell Ewropew bħala Chairperson ta’ SME Connect Europe għall-politika Ewropea fuq il-qasam diġitali u l-pjattaformi onlajn.

SME Connect hija assoċjazzjoni Ewropea li tiġbor fi ħdanha mijiet ta’ għaqdiet Ewropej li jirrappreżentaw assoċjazzjonijiet ta’ industriji żgħar u medji, u kif ukoll assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem fuq bażi Ewropea.

Agius Saliba ser ikun qiegħed jikkordina l-ħidma politika ta’ din l-assoċjazzjoni fejn tidħol il-politika Ewropea diġitali, li fi kliemu għandha tkun tirrifletti wkoll il-ħtiġijiet ta’ dawn it-tip ta’ industriji li huma parti importanti fl-ekonomija Ewropea u kif ukoll dik lokali.

L-MPE Agius Saliba ser ikun qiegħed itella’ diversi attivitajiet u jikkordina diskussjonijiet u studji sabiex flimkien ma’ SME Connect Europe ikun jista’ jinfluwenza il-politika ewropea fil-qasam digitali sabiex tirrispekkja r-realtajiet u l-isfidi li jaffaċjaw l-SME’s fuq bażi Ewropea.