Barranin
Il-mudella Naomi Campbell issir omm ta’ 50 sena

Is-supermodel Naomi Campbell saret omm ta’ tifla.

Il-mudella li għandha 50 sena ħabbret dan fuq il-profil tagħha ta’ Instagram. Hija tellgħet ritratt t’idha żżomm sieq it-tarbija.

F’messaġġ mar-ritratt ippubblikat tagħha ma’ bintha, hija qalet li ċ-ċkejkna għażlitha biex tkun ommha u tinsab onorata li se tkun qed trabbiha.

Id-disinjatur tal-moda Marc Jacobs kien minn tal-ewwel li feraħ lill-mudella li ma żvelat qatt li kienet se ssir omm.

Valerie Morris Campbell, omm is-supermudella qalet li tinsab eċċitata ħafna bil-wasla tat-tarbija u kienet ilha snin twal tistenna li ssir nanna.

Sadanittant ma ngħataw ebda dettalja oħra dwar it-tarbija. Madankollu f’intervista li saret fl-2017, Campell kienet esprimiet ix-xewqa pubblikament li ssir omm.

Hija qalet li kienet ilha taħseb biex ikollha tarbija u li bl-iżviluppi li seħħu fix-xjenza, setgħet issir omm meta trid.

Campell ħadet fama dinjija sa minn ċkunitha u saret l-ewwel mudell sewda Ingliża li dehret fuq il-faċċata tal-magażin Vogue.

Hija magħrufa wkoll għax-xogħol ta’ karità li twettaq u fl-2005 waqqfet fil-fondazzjoni Fashion For Relief, organizzazzjoni ta’ karità li għaqqdet flimkien is-settur tal-moda u l-filantropija.