Unjoni Ewropea
AĠĠORNAT: Posposta l-ewwel plenarja tat-tielet jum tas-summit dwar il-budget tal-UE

Il-Kunsill Ewropew dwar il-Budget sal-2027 u dwar il-Fond ta’ Rkupru mill-Pandemija jidher li se jxolji bla ftehim.  L-ewwel plenarja tat-tielet jum kellha tibda f’12pm iżda ġiet posposta għal ħin indefinit hekk kif il-mexxejja qed ikomplu bil-laqgħat bilaterali u fi gruppi żgħar:  il-pajjiżi tal-Visegrad immexxija mill-Ungerija u l-Polonja għalihom, il-pajjiżi taċ-ċentru għalihom.  Aktarx li s-27 mexxej jiltaqgħu fil-plenarja kmieni wara nofsinhar biex ixolju u mbagħad jiftehmu biex jerġgħu jiltaqgħu f’data oħra aktar tard.

Il-qasmiet li se jwasslu għal dan huma evidenti dwar x’inhuma, anzi, jibqghu l-istess li kienu sal-Ġimgħa.  Kważi kollox kif jixtieq il-Prim Ministru Olandiz Rutte flimkien ma’ sħabu tal-Iżvezja, id-Danimarka, l-Awstrija u issa anki l-Fillandja. Kemm mill-Fond ta’ Rkupru se jkun f’għotjiet u kemm b’self.  Il-kundizzjoni tar-riformi ekonomiċi u fis-suq tax-xogħol li jolqtu l-aktar lil Spanja u lill-Italja.  Il-garanziji u l-kundizzjonijiet tas-saltna tad-dritt li jrid jimponi fuq l-Ungerija u l-pajjizi tal-Lvant.

Sadanittant il-Kunsill Ewropew u l-budget Ewropew kienu t-temi esklussivi li ġew ittrattati mill-Prim Ministru Robert Abela f’intervent telefoniku li għamel dalgħodu minn Brussell fuq l-istazzjon tar-Radju tal-Partit Laburista.

B’referenza għall-budget riżervat għal Malta, il-Prim Ministru qal li Malta jidher li se jirnexxilha tasal fejn tixtieq.  Madanakollu n-negozjati speċjalment dwar il-Fond ta’ Rkupru mill-pandemija huma diffiċli ħafna kemm minħabba l-kundizzjonijiet li għadhom qed jiġu mitluba fir-rigward tas-saltna tad-dritt – kundizzjonijiet li pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa bħall-Ungerija mhux lesti jaċċettaw.  Kif ukoll għax għad m’hemmx lanqas qbil dwar kif se jitqassmu l-flus bejn għotjiet u self.

Fil-każ tas-saltna tad-dritt il-Prim Ministru qal li Malta m’għandha l-ebda diffikultà li din tkun kundizzjoni biex jitqassmu l-flus għax Malta għamlet bidliet sostanzjali fl-aħħar xhur li qed jiġu rikonoxxuti wkoll.

Il-Prim Ministru Abela qal li filwaqt li Malta fis-summit qed tipprova tkun il-vuċi tar-raġuni u mhux qed issabbat saqajha, qed tibqa’ tisħaq fuq il-prinċipju li dawk il-pajjiżi li fl-aħħar snin kellhom tkabbir ekonomiku sostnut u żammew il-qgħad f’livell baxx m’għandhomx jiġu ppenalizzati għas-suċċessi tagħhom.

 

Aktar qabel: “Il-mument tal-prova” waqt is-summit Ewropew dwar il-Budget

Qed ikomplu dalgħodu fi Brussell in-negozjati dwar il-budget Ewropew u dwar il-Fond ta’ Stimolu għall-Ekonomija wara l-Pandemija tal-Coronavirus.  Uffiċjalment it-tielet jum tal-Kunsill jiftaħ f’12pm iżda numru ta’ mexxejja diġà ħadu l-kolazzjoni flimkien f’dak li qed jitqies bħala “il-mument tal-prova”.

Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen sebħu kmieni u ġabru madwarhom lill-President Franċiż Emmanuel Macron, lill-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, lill-Prim Ministru Taljan Guiseppe Conte u anki lill-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez.

Dawn bejniethom diġà qed jaqblu fuq it-triq ‘il quddiem – jiġifieri li 60% tal-fondi tal-pjan ta’ rkupru għandhom ikunu għotjiet u mhux self.  Iżda qed ikomplu jistudjaw il-mossa li jmiss biex iġibu magħhom darba għal dejjem lill-PM tal-Olanda Rutte u lill-erba’ sħabu li għadhom qed jopponu.  Imbagħad ikun fadal l-Ungerija u l-Polonja li jridu jiġu indirizzati fuq il-ħarsien tas-saltna tad-dritt.

Il-mexxejja Ewropej bħalissa maqsumin bejn tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, bejn tal-Punent u tal-Lvant.  Mhux qasmiet li ma jistgħux jissewwew, għax fl-aħħar mill-aħħar huwa fl-interess tagħhom ilkoll li jaqblu dwar pakkett komplessiv ta’ elfejn biljun ewro.  Iżda jekk hux se jaqblu fis-sigħat li ġejjin… għadu kmieni biex wieħed jgħid.

Min-naħa tiegħu il-Prim Ministru Robert Abela fisser ruħu ottomist li fil-Kunsill Ewropew jintlaħaq ftehim u li Malta tikseb ‘deal’ b’saħħtu. “Nistenna li Malta takkwista ftehim sodisfaċenti minkejja li qed jintużaw kriterji li s-suċċess ekonomiku ta’ Malta tal-aħħar snin jaf jaħdem kontrina. Malta se tibqa’ tinsisti li takkwista ftehim b’saħħtu li jiżboq dak li ġie negozjat għas-seba’ snin li għaddew. Se nibqgħu nipperseveraw sabiex inġibu r-riżultat  li jixraq lil pajjiżna”, qal il-Prim Ministru.

Il-budget tal-UE għas-seba’ snin li ġejjin jiskorri l-elf biljun ewro filwaqt li l-Fond ta’ Rkupru jmiss is-750 biljun ewro. Fl-ewwel budget tal-UE li Malta kellha sehem minnu għas-seba’ snin bejn l-2007 u l-2013 Malta kienet kisbet €1.114 miljun, filwaqt li għas-seba’ snin bejn l-2014 u l-2020 Malta kisbet 1.128 miljun ewro.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Għandu 67 sena, u flimkien ma’ missieru sa minn ċkunitu trabba b’passjoni kbira għal trakkijiet militari Amerikani u Ingliżi, u inġenji oħra fosthom magni tal-ajruplani. Michael Cachia jqatta’ ħinu jibni…

COVID-19

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji qalet li l-aġenti u l-operaturi tal-ivvjaġar qegħdin jiffaċjaw diffikultatjiet biex joħorġu r-rifużjonijiet minħabba li l-kumpaniji turistiċi mhumiex qegħdin jibagħtulhom l-flus lura tal-vjaġġi u pakketti tal-ivjaġġar…

Immigrazzjoni

Għaxar t’ijiem wara s-sejħa tal-espressjoni għal bastiment biex fuqhom ikunu iżolati immigranti irregolari, Television Malta jinsab infurmat li l-Gvern irċieva mal-15 il-offerta. Is-sejħa ngħalqet f’nofsinhar tat-Tnejn li għadda u issa…

COVID-19

Bl-għan li jkun ta’ spalla għal negozji fid-dawl tar-realtajiet ekonomiċi tal-pandemija l-Bank Malti ta’ Żvilupp introduċa inizjattiva biex negozji żgħar li jitolbu self lill-banek ma jkollhomx bżonn jipprovdu garanziji personali…

Aktar