Il-Musulmani f’Malta jitolbu jum ta’ btala fl-okkażjoni tal-akbar festa tagħhom

Il-komunità Musulmana f’Malta li tgħodd qrib l-20,000 ruħ għadha qed tistenna tweġiba mill-awtoritajiet Maltin biex il-Musulmani f’Malta jingħataw jum ta’ btala fl-okkażjoni tal-ikbar festa tagħhom, l-Eid al-Adha, li bdew jiċċelebraw illum.

Eid al-Adha tfakkar fil-ġrajja meta l-Profeta Abram offra lil ibnu Iżakk lil Alla u hija magħrufa bħala l-festa tas-sagrifiċċju – ġrajja meqjuma mill-Kattolici, il-Musulmani u l-Lhud. Għall-Musulmani llum huwa l-ewwel jum ta’ dan l-għid mifrux fuq erbat ijiem. L-IMAM Muhammed El Sadi żvela ma’ TVM li snin ilu, il-komunità Musulmana f’Malta talbet biex bħal f’pajjiċi oħra, il-Musulmani jkollhom ġurnata ta’ btala pubbliku fl-okkażjoni tal-EID. Qal li s’issa għadhom qed istennew risposta.

L-Imam fisser din il-festa bħala manifestazzjoni ta’ mħabba u solidarjetà.

“Is-sinifikat ta’ din il-festa huwa li niftakru li m’hemmx salvazzjoni mingħajr sagrifiċċju, m’hemmx ġenna mingħajr sagrifiċċju, importanti li bniedem jagħmel sagrifiċċju biex jogħġob lil Alla u jagħmel sagrifiċċju biex iservi lill-komunità.”

L-Imam El Sadi qal li l-ġurnata tibda bit-talb fil-Moskea għax hija festa komunitarja li matulha l-Musulmani joffru l-awguri u jagħtu r-rigali lil xulxin.

“Il-Misilmin kollha jinġabru hawn anke x-shia u s-sunni kollha jiġu jinġabru hawn. Aħna ma nagħlqux il-bieb għax din id-dar ta’ Alla, anke l-Insara jiġu hawn, u l-bieb miftuħ għal kulħadd.”

Dan is-sens ta’ għaqda esprimietu wkoll il-Prim Ministru Ingliż Theresa May, li faħħret il-kontribut tal-Musulmani Ingliżi fil-politika, l-intrapriża, u fil-karità li ssir minnhom fir-Renju Unit.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Eid qed isiru fl-isfond tal-qagħda attwali ta’ bosta pajjiżi Għarab.
Fil-Libanu, l-atmosfera hija ta’ dieqa u rabja fost ir-refuġjati Sirjani minħabba l-isfreġju f’pajjiżhom; u f’Ġerusalemm qed ikun ittamat li jintlaħaq kompromess għall-kunflitt bejn il-Palestinjani u l-Lhud.

Fl-Eġittu, iċ-ċelebrazzjonijiet ingħataw dimensjoni iktar soċjali, hekk kif il-Gvern issussidja l-prezz tal-laħam biex jilħaq il-bwiet ta’ kulħadd.