COVID-19
Il-mużika tikser il-monotonija li ġabet magħha l-COVID-19

Fi żmien ta’ ansjetà residenti ta’ triq fil-Fgura ħarġu bl-idea li jorganizzaw ċelebrazzjoni mużikali mill-gallariji biex iferrħu lil xulxin. U waqt li l-festi din is-sena mhux ser isiru, il-bandisti ta’ Banda fiż-Żejtun appellaw għas-sens patrijottiku bid-daqq tal-Innu Malti b’mod individwali fid-djar tagħhom.

Il-kuluri tal-bnadar li tant joħolqu atmosfera fil-festi tal-irħula din is-sena ser jibqgħu merfugħa fl-imħażen iżda r-residenti ta’ Triq Louis Scicluna fil-Fgura xorta żejnu t-triq tagħha bi bnadar ta’ Malta u llejla qed jippjanaw festa ta’ mużika mill-gallarija tad-Dj Rudolph Degiorgio biex tferraħ u taqta’ l-monotonija li nħolqot bl-imxija tal-coronavirus.

Is-Sur Degiorgio qal li l-inizjattiva ġriet bħal leħħa ta’ berqa fost il-ġirien. Huwa qal li barra ċelebrazzjoni bil-mużika ta’ kull tip mill-gallariji, kull nhar ta’ Tlieta qed jingħad ir-rużarju biex ir-residenti jitolbu flimkien.

“Xtaqt noħloq xi ħaġa. Tfal u anzjani msakkrin fid-djar tagħhom, noħolqu atmosfera ta’ festa, ta’ festa minn dan il-ħażin kollu xi ħaġa tajba”

Is-sur Degiorgio qal li tant qed iħossu magħqud mar-residenti ta’ din it-triq li qed jippjana li l-gallariji kollha jiġu armati bil-fjuri biex isebbħu u jferrħu lil kull min jgħaddi.

Intant inizjattiva oħra intenzjonata biex tferraħ lin-nies saret mill-bandisti mill-għaqda mużikali Beland taż-Żejtun li għamlu video mużikali li fih daqqew in-noti tal-Innu Malti b’mod individwali fid-djar tagħhom. L-iskop tal-video li jinsab fuq is-siti soċjali sar biex in-nies anke b’sens patrijottiku jagħmlu kuragġ quddiem din l-isfida.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Wara kważi erbgħin jum fuq il-baħar, il-Gvern Malti ddeċieda li jdaħħal f’Malta lill-immigranti li kienu qed jinżammu barra t-territorju Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri saret…

Enerġija

L-istudju għall-impatt ambjentali għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija ġie sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ERA, waqt li l-awtoritajiet kompetenti fl-Italja qed jiffinalizzaw l-istudji biex jiġi ppreżentat ukoll ir-rapport tal-impatt…

Stejjer Umani

Imweġġa’ bil-qtil brutali tal-Afro Amerikan George Floyd fl-Istati Uniti u bil-qtil razzista wkoll tal-immigrant Lassana Cisse s-sena li għaddiet, Martina Borg marret fuq il-midja soċjali b’messaġġ emozzjonali kontra r-razziżmu. It-tfajla…

Aktar