Enerġija
Il-PA b’tibdil fil-politika dwar il-pompi tal-petrol

L-Awtorità tal-Ippjanar għamlet numru ta’ emendi fil-policy dwar il-pompi tal-petrol, li huma bbażati fuq il-proposti li ġew sottomessi fil-konsultazzjoni li saret aktar kmieni din is-sena.

L-Awtorità qalet li fost it-tibdiliet, il-pompi tal-petrol, li ser ikunu jistgħu jiġu rilokati, ser ikun dawk biss li jkunu għadhom qegħdin jintużaw meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għall-iżvilupp. Barra min dan żdiedet ukoll kundizzjoni li biex tiġi rilokata pompa tal-petrol trid tkun qiegħda toħloq inkonvenjent u periklu fiż-żona.

Applikazzjonijiet għall-pompi barra ż-żona tal-iżvilupp ser jiġu kkunsidrati biss f’każi fejn l-art diġà jkollha permess għall-iżvilupp.

Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li l-policy proposta ser tapplika għall-applikazzjonijiet li diġà ġew sottomessi. Il-policy tillimita wkoll għal mhux aktar minn 1,000 metru kwadru l-pompi tal-petrol li jiġu approvati.

Minħabba dawn it-tibdiliet il-konsoltazzjoni pubblika dwar dawn l-emendi reġgħet infetħet sal-1 ta’ Novembru.