Lokali
Il-PA ordnata tħallas kumpens ta’ €331,000 wara “trattament preferenzjali” liċ-Ċaqnu għal bini ta’ Supermarket tal-LIDL fl-2007

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ordnat li lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tħallas kumpens ta’ aktar minn €331,000 lill-ex sidien ta’ art li fuqha nbena s-supermarket tal-Lidl f’Ħal Luqa madwar 14-il sena ilu.

L-għoti tal-permess fuq art ODZ għall-bini tas-supermarket ingħata lill-kuntrattur Charles Polidano, magħruf bħala ċ-Ċaqnu wara li dan akkwistaha mingħand Leonard Catajar, is-sid oriġinali tal-art għall-prezz ta’ Lm100,000. Cutajar biegħ l-art lil Polidano wara li kien qata’ qalbu li seta’ jiżviluppaha wara li bejn l-1998 u l-2003, kellu tliet applikazzjonijiet irrifjutati għal żvilupp fosthom ta’ ċentru ta’ ortikoltura (garden centre) li fuqha ried jibni fost oħrajn serra baxxa fejn setgħu jitkabbru u jinbiegħu l-ħxejjex.

Kien fl-2007, li Polidano akkwista l-art wara li kien avviċina lil Cutajar u talbu biex ibiegħhilu. F’Marzu tal-istess sena, jiġifieri xahar qabel il-kuntratt finali, u b’sorpriża kbira għas-sidien, il-MEPA ħarġet il-permess għall-bini ta’ supermarket tal-LIDL. Dan wara li skartat l-istess oġġezzjonijiet li kienet għamlet tul is-snin biex l-art ma tiġix żviluppata fosthom dik li l-art tinsab qrib tal-ajruport u għalhekk kull żvilupp kien jitqies bħala inaċċetabbli. Erba’ xhur wara, jiġifieri f’Lulju tal-2007, Polidano biegħ l-art bil-permess ta’ supermarket lil Lidl Immobiliari Malta għall-prezz ta’ Lm1,990,000 (€4,636,700).

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti qies bħala kontradittorju kif il-MEPA qieset l-iżvilupp ta’ supermarket minn Polidano bħala aċċettabbli meta l-istess awtorità kienet tal-fehma li l-iżvilupp ta’ garden centre mis-sidien oriġinali kien wisq kummerċjali għaż-żona. Qalet li kien illoġiku li l-garden centre tqies bħala żvilupp li huwa kummerċjali wisq waqt li s-supermarket tqies li huwa aċċettabbli meta n-natura kummerċjali ta’ supermarket hija ferm ikbar minn dik ta’ garden centre.

Il-qorti qalet li dan huwa każ ċar ta’ għoti ta’ trattament distint mingħajr raġuni valida u l-MEPA tat trattament preferenzjali lil Charles Polidano u li minnu batew is-sidien orġinali tal-art.

Meta ġiet għall-kumpens, il-qorti qieset il-valur tal-art meta nbiegħet lil Polidano fl-2007 u għalhekk ordnat lill-awtorità tħallas is-somma ta’ €331,000, jiġifieri d-differenza bejn l-ammont li tħallsu s-sidien tal-art minn Polidano ta’ €233,000 u l-valur tal-art dak iż-żmien ta’ €564,295.