Lokali
Il-PA tapprova l-proġett rivedut tal-Grupp DB tas-City Centre f’Pembroke

Approvat mill-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar il-proġett City Centre, tal-Grupp DB f’Pembroke, li ser isir b’investiment ta’ €250 miljun ewro.

Fil-preżentazzjoni tagħhom il-periti tal-proġett qalu li l-pjanti ġodda jnaqqsu l-impatt negattiv tal-bini, b’inqas sulari u iktar spazji pubbliċi/ Spjegaw li l-għan wara d-disinn jibqa’ li joħolqu attrazzjoni arkitettonika f’din iż-żona.

Il-bord impona lill-iżviluppaturi jħallsu iktar minn miljun ewro biex jintużaw fi proġetti għall-komunità ta’ Pembroke. Saħaq ukoll li l-bajja ta’ San Ġorġ għandha dejjem tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

Il-grupp DB ressaq pjanti ġodda b’tibdil li ra tnaqqis ta’ 57% fl-għoli tal-binjiet residenzjali biex b’hekk issa torri minnhom se jkun ta’ 17-il sular u l-ieħor ta’ 18-il sular, filwaqt li l-lukanda se tkun 27 metru iktar baxxa mill-pjanti oriġinali/ Skont l-iżviluppaturi dan ifisser tnaqqis ta’ aktar minn 5,000 trakk ta’ skavar u tnaqqis ta’ 30% fil-parkeġġ.

Mill-applikazzjoni l-ġdida tneħħa l-kumpless tal-casino u żdiedu l-ispazji pubbliċi filwaqt li l-barracks, substation ta’ żmien il-gwerra bierda u ġibjuni tal-ilma ġew integrati fil-pjanti l-ġodda.

Fil-laqgħa pubblika, li damet għaddejja madwar 4 sigħat u nofs, tqajmu bosta oġġezzjonijiet minn rappreżentanti ta’ madwar 18,000 resident: il-kunsilli lokali ta’ Pembroke, is-Swieqi u San Ġiljan.

Il-bord tal-awtorità approva dan il-proġett b’erba’ voti favur u tlieta kontra. Iċ-Chairman Martin Camilleri, Sean Mangion, Duncan Mifsud u Savior Debono Grech ivvotaw favur, filwaqt li Omar Vella, Gilmour Camilleri u r-rappreżentant tal-kunsilli lokali, il-Viċi Sindku ta’ Pembroke, Omar Arab ivvotaw kontra.

Fil-bidu tal-laqgħa, ic-Chairman Martin Camilleri qara nota li ppreżentaw erba’ membri tal-bord: Vincent Cassar, Victor Axiak, Joseph Brincat u Annick Bonello li ddikjaraw li se jirrikużaw ruħhom milli jieħdu deċiżjoni. Magħhom irrikuża ruħu wkoll Chris Cilia minħabba kunflitt ta’ natura professjonali.

Riżultat t’hekk, kienu biss sebgħa minn ħdax-il-membri tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li vvutaw fuq l-applikazzjoni ġdida li ressaq il-grupp DB għall-permess tal-proġett.

Il-Bord impona lill-grupp DB biex iħallas miljun u 300 elf ewro biex ikunu jistgħu jintużaw għall-proġetti fil-lokalità ta’ Pembroke.  Kundizzjonijiet oħra jistipulaw li xogħlijiet fi Triq ix-Xatt ta’ San Ġorġ ma jistgħux isiru bejn Ġunju u Settembru, filwaqt li l-pubbliku fl-ebda ħin ma jista’ jkollu l-aċċess imblukkat għall-bajja.