Negozju
Il-padiljun ta’ Malta fid-Dubai Expo viċin li jitlesta

Il-padiljun ta’ Malta f’Dubaj wasal biex jitlesta hekk kif id-Dubai Expo 2020 qed tipprepara biex tiftaħ il-bibien tagħha għal dinjitarji, imprendituri u turisti mid-dinja kollha għal sitt xhur sħaħ.

Malta ser tkun fost 192 pajjiż li se jesponu dak li għandhom x’joffru fosthom fil-qasam ekonomiku, l-industrija u anke opportunitajiet ta’ negozju fl-Expo ta’ Dubaj li ser tiftah fl-ewwel ta’ Ottubru.

Temi oħra li kull pajjiż jittratta huma d-diversità kulturali u storika li lkoll jiftħu bibien għall-qasam turistiku.

Waqt żjara fil-Padiljun ta’ Malta l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli sostniet li din hija opportunità ta’ sitt xhur biex Malta tesponi dak kollu li toffri.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li din hija opportunità biex il-pajjiż juri x’għandu x’joffri u b’hekk jattira opportunitajiet ġodda.

Hija qalet li t-tema magħżulha minn Malta ‘Connecting Cultures, Generating Opportunities’ turi dak li jħaddan il-pajjiż fosthom l-istorja, il-kultura, l-istil tal-ħajja u l-etika tax-xogħol fost oħrajn.

Il-Ministru Dalli sostniet li din il-laqgħa dinjija tispira ħafna nies u b’hekk jinħolqu opportunitajiet ġodda u futur aħjar .

Din hija t-tielet darba li Malta qed tipparteċipa fl-Expo ta’ Dubaj fejn toffri programm mimli avvenimenti mifruxa fuq sitt xhur.

Waqt li kienet Dubaj, il-Ministru Dalli ltaqgħet mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita ta’ Dubai għall-Elettriku u l-Ilma Saeed Mohamed Ahma Al Tayer fejn kienu diskussi temi ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

Fosthom kien hemm il-miżuri biex jitnaqqas il-karbonju u anke kif l-għarfien teknoloġiku jistgħu jibbenefikaw minnu ż-żewġ pajjiżi.