Politika
Il-pajjiż hu ‘l fuq mill-partiti – il-Kap tal-PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li l-pajjiż hu ‘l fuq mill-partiti u waqt li akkuża lill-amministrazzjoni kollha tal-pajjiż b’kompliċità għal kriżi ta’ bħalissa, qal li l-Partit Nazzjonalista fassal proposti għar-riformi biex iseħħ il-bidla fl-istituzzjonijiet li Malta għandha bżonn.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li spiċċa ż-żmien tal-politika partiġġjana u wasal iż-żmien li jsir dak li huwa ta’ ġid għal pajjiż billi ningħaqdu u jkollna l-kuraġġ li nemmnu li Malta hi aħna lkoll.

Intervistat fuq NET FM, Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed biex iservi u jġib il-bidla li hemm bżonn biex kulħadd iħossu kburi li aħna Maltin.

Il-Kap Nazzjonalista qal li d-dokument Riforma u Tiġdid li tressaq fil-Kunsill Ġenerali Straordinarju fih proposti li jsaħħu l-pilastri li jsawwru demokrazija u jgħatu għodda lill-poplu biex jassigura li kull min ikun involut fit-tmexxija ikun suġġett għall-għassa li tara li qed jaqdi dmiru.

Dr Delia qal li l-amministrazzjoni kollha tal-Gvern hija kompliċi fil-kriżi, għaliex sa ġimagħtejn ilu qalu li għandhom fiduċja fil-Prim Ministru u b’hekk qal għażlu l-interess tal-partit tagħhom qabel l-interess nazzjonali. Żied li meta Dr Muscat ħabbar li se jitlaq, bdew ibiddlu d-diska.

Kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista kien konsistenti u semma z-żewġ kawżi li fetaħ, waħda biex jitreġġa’ lura l-kuntratt tal-isptarijiet mal-Vitals u oħra dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta Egrant. Dr Delia qal li għandha ssir ġustizzja ma’ kull min kellu x’jaqsam ma’ dawn il-kumpaniji sigrieti inkluż min għenhom.

Dr Delia qal li lanqas min fassal il-Kostituzzjoni ma ħaseb għall-eventwalità biex tindirizza dak li sejjaħ tnawwir f’Kastilja, minfejn inħataf il-Gvern u fejn ir-riżorsi tal-pajjiż ma ntużawx għall-ġid komuni iżda għall-ftit li jinsabu maqbudin f’attivitajiet kriminali. Hu kkritika lit-800 persuna ta’ fiduċja fil-Ministeri u qal li dawn jitħallsu l-eluf għax huma qrib il-politiċi mhux għax bilfors huma kompetenti.

Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qed iħares lejn dak kollu li hemm bżonn li jsir sabiex il-pajjiż ma jibqax iħaddan sistema fejn il-partit rebbieħ f’elezzjoni jieħu l-poter kollu f’idejh imma minflok iħaddem sistema fejn il-Gvern elett jaħdem fl-interess tal-poplu kollu. Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella biex il-pajjiż jitpoġġa ogħla mill-partiti u mill-politiċi u biex bil-fatti ħadd ma jkun ‘l fuq mil-liġi.

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Il-Knisja f’Malta llum tiċċelebra l-festa tal-Beata Maria Adeodata Pisani. Il-ġurnata tal-festa kienet intgħażlet mill-Papa Ġwanni Pawlu II meta bbeatifika l-ewwel tliet Maltin f’ċerimonja fuq il-Fosos tal-Floriana f’Mejju tas-sena 2001. Il-ġurnata…

Kronaka

Raġel ittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mellieħa. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30pm fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun. L-inċident seħħ bejn bejn vettura tal-għamla Toyota Aygo, li…

Stejjer Umani

Filmat ta’ tifel ċkejken ta’ 9 snin inxtered f’ħakka ta’ għajn mad-dinja kollha meta esprima d-dwejjaq li ħakmuh minħabba l-bullying. Fil-filmat miġbud minn ommu, Quaden Bayles jinstema’ jgħid li jrid…

Aktar