Politika
Il-pajjiż jeħtieġ li jkollu Oppożizzjoni magħquda u mhux maqsuma – il-PM

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, stqarr li l-pajjiż jeħtieġ li jkollu Oppożizzjoni magħquda u mhux maqsuma f’elf biċċa.

F’intervista fuq ONE, Dr Muscat qal li l-bidliet li se jipproponi l-Gvern biex jiżdiedu n-nisa fil-Parlament jeħtieġu bidla fil-Kostituzzjoni li teħtieġ l-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-Parlament.

Dr Muscat qal li jekk l-Oppożizzjoni mhux se taqbel, riformi bħal dawn se jieħdu aktar żmien biex iseħħu.

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, qal li ċ-ċifri tat-tkabbir ekonomiku huma riflessjoni ta’ realtà li qed iħossu n-nies. Dr Muscat qal li t-tkabbir ekonomiku huwa mifrux fis-settur kollha mit-turiżmu sas-servizzi finanzjarji u l-manifattura.

F’intervista fuq ONE, il-Prim Ministru qal li l-pajjiż għandu fost l-ogħla rati ta’ investiment fl-Unjoni Ewropea li ħafna minnu ġej mis-settur privat. Qal li dan huwa prova li l-investituri għandhom fiduċja fl-ekonomija tal-pajjiż. Dr Muscat sostna li dan it-tkabbir ekonomiku jeħtieġ li jkompli biex il-Gvern ikun jista’ jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

Il-Prim Ministru qal li r-rakkomandazzjonijiet li saru lil Malta mill-Kummissjoni Ewropea fosthom dwar is-sistema tat-taxxa huma biss rakkomandazzjonijiet. Semma li l-Kummissjoni Ewropea kienet irrakkomandat li m’għandhiex tibqa’ tingħata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja iżda din qatt ġiet aċċettata mill-gvernijiet Laburisti u Nazzjonalisti. Qal li biż-żmien, l-Unjoni Ewropea fehmet l-argument u ma baqgħetx tagħmel din ir-rakkomandazzjoni.

Bl-istess mod, sostna Dr Muscat, ir-rakkomandazzjonijiet dwar is-sistema tax-taxxa saret ukoll fost oħrajn lill-Olanda, il-Lussemburgu u Ċipru. Dr Muscat qal li dawn il-pajjiżi rreaġixxew bl-istess mod li rreaġixxiet Malta. Spjega li meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea rat il-liġijiet kollha Maltin u din ma kinitx problema dakinhar u m’għandiex tkun problema issa.

Mistoqsi dwar il-qagħda tal-Partit Nazzjonalista, Dr Muscat qal li l-pajjiż jeħtieġ Oppożizzjoni magħquda. Hu rrefera għall-proposta biex aktar nisa jkunu rappreżentati fil-Parlament. Spjega li dan it-tibdil jista’ jsir biss b’bidla fil-Kostituzzjoni li teħtieġ żewġ terzi tal-voti tad-deputati Parlamentari. Dr Muscat qal li jekk l-Oppożizzjoni se tibqa’ maqsuma, riformi bħal dawn jieħdu aktar żmien biex iseħħu.