Ekonomija u Finanzi
Il-pajjiżi tal-G7 jaqblu dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji multinazzjonali

Is-seba’ pajjiżi li jiffurmaw il-G7, grupp li jiġbor fih pajjiżi meqjusin bħala fost l-iktar b’saħħithom, qablu dwar kif għandhom jintaxxaw lill-kumpaniji multinazzjonali.

Il-G7 jiġbor fi ħdanu l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, il-Kanada, l-Italja u l-Ġappun.

Waqt laqgħa f’Londra, il-ministri responsabbli mill-finanzi ta’ dawn il-pajjiżi qablu li l-kumpaniji l-kbar għandhom jiġu intaxxati fil-pajjiżi fejn jagħmlu negozju.

Huma qablu wkoll fil-prinċipju li t-taxxa globali għall-kumpaniji l-kbar tkun ta’ mhux inqas minn 15%.

Dan il-qbil huwa ntiż biex il-gvernijiet jindirizzaw l-isfida tat-taxxi fuq il-kumpaniji li joperaw minn diversi pajjiżi.

Fil-preżent il-kumpaniji jistgħu jwaqqfu fergħat lokali f’pajjiżi fejn hemm rata baxxa ta’ taxxa u jħallsuha hemm anke jekk il-qligħ ikun ġej minn bejgħ f’pajjiżi oħra.