Barranin
Il-pajjiżi tal-UE jżidu r-restrizzjonijiet wara żieda qawwija fl-infezzjonijiet tal-COVID-19

L-Ewropa baqgħet wieħed mill-aktar reġjuni fid-dinja milqut minn każijiet ta’ COVID-19, kaġun tal-varjant Delta u tnaqqis fil-miżuri restrittivi.

Sat-Tnejn li għadda, il-pajjiżi Ewropej rrapportaw 33 miljun każ, b’Ċipru, Spanja, il-Portugall, l-Olanda, u l-Lussemburgu jirrapportaw l-ogħla numru ta’ inferzzjonijiet.

B’kuntrast, fl-aħħar ġimagħtejn, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Ungerija u l-Islovakkja rrapportaw anqas minn 10 każijiet għal kull 100,000 ruħ.

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard,  l-ECDC irrapporta li fil-pajjiżi l-aktar milquta, iż-żieda fil-każijiet seħħet fost iż-żgħażagħ, li fil-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex imlaqqma.

Ċipru b’medja ta’ 1,000 każ ġdid kuljum

Ċipru qiegħed jirrapporta aktar minn 1,000 każ ġdid ta’ Covid kuljum, ammont li wassal lill-gvern Ċiprijott biex iżid ir-restrizzjonijiet… azzjoni li wasslet għall-protesti fit-toroq. Minn din il-ġimgħa, persuni mlaqqma biss jistgħu jidħlu f’supermarkets, swieq, restoranti u negozji oħrajn.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron ħabbar li minn Awwissu biex persuna tattendi għal festival, ċinema, kafetteriji, restoranti, sptarijiet, ferroviji u safar trid tkun imlaqqma jew ikollha test negattiv tal-Covid.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa Spanjol ħabbar li t-Tnejn Spanja kellha 61,628 każ ġdid ta’ coronavirus, żieda ta’ 63% meta mqabbel mal-ġimgħa l-oħra. Skont il-ġurnal Spanjol El Pais, wieħed minn kull 30 persuna ta’ bejn l-20 u d-29 sena ħareġ pożittiv għall-coronavirus fl-aħħar ħmistax.

Il-Gvern Portugiż daħħal mill-ġdid curfew matul il-lejl f’diversi bliet wara żieda fil-każijiet tal-varjant Delta.

Fl-Olanda wkoll, il-Gvern daħħal mill-ġdid bosta restrizzjonijiet u ħeġġeġ aktar nies jaħdmu mid-dar wara żieda fil-każijiet, l-aktar minn postijiet tad-divertiment.

Fil-Lussemburgu, l-awtoritajiet tal-pajjiż qalu li ż-żieda f’daqqa tal-infezzjonijiet, l-aktar fost iż-żgħażagħ mhux imlaqqma, huma relatati mal-Jum Nazzjonali, li seħħ fit-23 ta’ Ġunju. Sadanittant, l-awtoritajiet tas-saħħa qed jistennew rata inqas ta’ infezzjonijiet fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-varjant Delta, li nstab l-ewwel fl-Indja, huwa l-kaġun ta’ 90% tal-infezzjonijiet fl-Ewropa.

It-tilqim kollu approvat mill-UE, jiġifieri BioNTech/Pfizer, Moderna, AstraZeneca, u Johnson&Johnson kollha jidhru li huma effettiva kontra l-varjant Delta meta jingħataw iż-żewġ dożi.

Madankollu huma biss 66.3 tal-Ewropej li ngħataw l-ewwel doża, waqt li 49.5% tlaqqmu kompletament.