Lokali
Il-pandemija ġiet tiswa lill-pajjiż €1,500 miljun f’sentejn

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-budget għas-sena d-dieħla se jkun ieħor mingħajr taxxi, imma saħaq li se jindirizza l-evażjoni tat-taxxi.

Fil-preżentazzjoni tad-dokument ta’ qabel il-Budget 2022 lill-imsieħba soċjali, il-Ministru Caruana qal li l-budget se jiffoka fost oħrajn fuq l-ambjent, l-iżvilupp ekonomiku u l-livell tal-għajxien fost l-oħrajn.

Spjega li minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, il-pajjiż xorta huwa mbassar li se jkun qed jirreġistra tkabbir ekonomiku, u dan huwa rifless fit-tema għall-budget li se tkun “x’pajjiż tixtieq tħalli lil uliedek?”.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li l-pandemija tal-Covid-19 ġiet tiswa’ lill-pajjiż biljun ewro u nofs fi kważi sentejn. Spiża li qal kien hemm bżonnha.

Fil-preżentazzjoni tad-dokument ta’ qabel il-budget għas-sena d-dieħla, il-Ministru qal li minkejja d-daqqa li ħa l-pajjiż minħabba l-Covid, il-magna ekonomika tal-pajjiż baqgħet intatta u ssaħħet. Ħabbar li t-tkabbir ekonomiku s-sena d-dieħla se jaqbeż bi kbir it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea – bl-ekonomija Maltija mistennija tikber b’6.8 fil-mija fl-2022.

Spjega kif d-defiċit is-sena d-dieħla mistenni jonqos b’aktar min-nofs għal 5.6 fil-mija.

“L-iktar ħaġa importanti li dan il-pajjiż kellu meta dħalna fil-pandemija kien li l-finanzi tal-pajjiż kienu b’saħħithom daqstant ieħor irid nara li l-finanzi ta’ dan i-pajjiż jibqgħu b’saħħithom matul is-snin li ġejjin. Dan irridu nagħmluh għax jekk il-finanzi tal-pajjiż ikunu b’saħħithom daqstant ieħor il-livell tal-għajxien tal-familji Maltin u Għawdxin. Nassigurak li fil-budget se nkun qed nagħmel referenza għal numru ta’ miżuri għax iridu nassiguraw li dan il-pajjiż jibqa’ b’saħħtu”, qal il-Ministru Caruana.

Il-Ministru Caruana qal li minkejja li ninsabu f’pandemija, id-dejn f’Malta se jinżamm taħt kontroll, u mistenni jibqa’ fil-livell ta’ 65 fil-mija. Qal dan b’kuntrast ma’ pajjiżi oħra Ewropej li wħud minnhom qabżu l-mija fil-mija tad-dejn.

Fi kliem il-Ministru, il-budget bit-tema “x’pajjiż tixtieq tħalli lil uliedek?”, huwa wieħed pożittiv mhux għax huwa l-aħħar wieħed ta’ din il-leġiżlatura.

Ħabbar li dalwaqt tkun lesta l-politika tax-xogħol li se titnieda ġimgħa qabel il-budget. Qal li l-gvern se jniedi l-viżjoni tiegħu għad-disa’ snin li ġejjin b’miżuri li se jsiru kollha għax huma maħsuba u hemm ir-riżorsi għalihom.

Qal l-ambjent se jkun fost il-pillastri tal-budget li mistenni jindirizza fost oħrajn lill-pensjonanti; il-qasam tas-saħħa b’għadd ta’ mediċini ġodda li se jiżdiedu fil-formularju tal-Gvern; u d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Żied li dan il-budget mhux se jindirizza ż-żieda fl-età tal-iskola obbligatorja minn 16 għal 18-il sena għax għal dan qal li hemm bżonn pjan u ħsieb dettaljat. Qal iżda li se jinkludi riżorsi għal strateġija biex il-ħaddiema tal-pajjiż ikollhom aktrar taħriġ.

Qal li n-nies iridu iktar u xi ħaġa aħjar u dan li se jkun qed jagħmel il-budget b’enfasi fuq l-iżvilupp ekonomiku li jiġbor fih it-tkabbir ekonomiku, kwalità ta’ ħajja aħjar, qasam soċjali u ambjent aħjar. Qal li l-gvern jista’ jagħmel dan għax għandu r-riżorsi, imma saħaq li n-nuqqas ta’ dikjarar u l-evazzjoni fiskali għandhom jispiċċaw.