Lokali
Il-pandemija kif affettwat il-wasla tad-droga f’Malta?

F’dawn l-aħħar jiem ħidmet id-Dwana Maltija kienet fomm kulħadd. Ftit tal-ġranet ilu fil-Port Ħieles id-Dwana qabdet dik li qed titqies bħala l-akbar qabda tad-droga f’Malta. B’kollox inqabdu 612-il kilogramma kokaina, b’valur fis-suq ta’ €69 miljun. Suċċess ieħor għad-Dwana kien li fi tliet snin, bejn l-2018 u l-2020, id-Dwana waqqfet diversi konsenji li kienu qed jiksru s-sanzjonijiet imposti waqt li kienu fi triqithom lejn il-Libja. It-total ta’ dawn il-konsenji jlaħħaq il-€927,294,000.

X’wasssal għal dawn is-suċċessi?

TVAM, dalgħodu ddiskuta x’wassal għal dawn is-suċċessi tad-Dwana mad-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joseph Chetcuti. Mill-esperjenza personali tiegħu fid-Dwana, Chetcuti qal li l-ewwel suspett tiegħu huwa li ċertu ammont li nqabad fl-aħħar jiem kien jgħaddi qabel mingħajr ma jinqabad. Minkejja li stqarrija bħal din tista’ tkun waħda xokkanti, Chetcuti spjega li jista’ jkun li qabel ma kinitx tinqabad għax ma kienx hemm il-mekkaniżmi neċessarji fosthom il-pajjiż ma kienx jinvesti daqshekk fid-Dwana. Spjega wkoll li l-avvanż fit-teknoloġija għen ukoll f’din il-qabda tad-droga.

Id-droga matul il-pandemija

Spunt ieħor interessanti li ħareġ matul il-programm TVAM huwa dwar jekk għaddietx droga matul il-pandemija. Niftakru li fix-xhur ta’ April u Lulju l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien magħluq. Joseph Chetcuti spjega li meta l-Ajruport kien magħluq il-kannabis baqgħet għaddejja b’mod normali. Dan jikkuntrasta mal-kokaina li naqset ftit.

Fl-isfond li l-Ajruport kien magħluq u l-kokaina naqset Chetcuti osserva li aktarx li kienet tgħaddi ħafna mill-ajruport. Fil-fatt, huwa spjega li dlonk xħin fetaħ l-Ajruport, id-Dwana intessifikat ħidmitha fl-Ajruport u minn tliet titjiriet minn Spanja qabdet mad-29 kilo kokaina.

Il-fatt li l-kannabis ma naqsitx, Chetcuti osserva li din tivvjaġġa l-aktar b’mod marritimu ġaladarba l-portijiet biss kienu miftuħa.

Fl-isfond ta’ dan kollu, id-Direttur tad-Dwana qal li l-pandemija għalmithom u tathom indikazzjoni ta’ kif tidħol id-droga u għinithom jissaħħu fl-investigazzjonijiet tagħhom.

Id-Dwana tiċċekkja kull kontejner li jidħol?

Il-ħidma tad-Dipartiment tad-Dwana hija waħda interessanti għall-pubbliku u forsi tqajjem kurżità fost il-poplu. Waħda mill-mistoqsijiet li żgur nistaqsu hija jekk id-Dwana tiċċekkjax kull kontejner jew le. Mistoqsija oħra hija x’jiġri mill-bastiment li fuqu tinġarr id-droga? Kif uħud mir-rotot tad-droga jgħaddu minn Malta? Dawn il-mistoqsijiet jwiġibhom id-Direttur tad-Dwana waqt il-programm TVAM.  L-intervista wkoll tagħti ħarsa fuq x’se jiġri f’każ li jseħħ Brexit mingħajr ma jintlaħaq ftehim.

Tista’ ssegwi l-intervista sħiħa hawn:

TVAM jixxandar kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7am sad-9am.

Ara wkoll:

Il-kwantità u l-kwalità tad-droga f’Malta naqsu tul il-pandemija?