Ekonomija u Finanzi
Il-pandemija tagħsar il-finanzi tal-Gvern

L-effetti tal-pandemija bdew jidhru u jinħassu fil-finanzi tal-gvern. Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li bejn Jannar u Mejju d-dħul tal-gvern naqas bi kważi 318-il miljun ewro waqt li n-nefqa tal-gvern żdiedet b’291 miljun ewro skorruti.

Dan wassal biex fl-ewwel ħames xhur tas-sena, il-gvern kellu defiċit li skorra 673 miljun ewro fil-finanzi tiegħu. Fl-istess perjodu s-sena l-oħra d-defiċit kien ftit aktar minn 67 miljun ewro. Id-defiċit din is-sena kienu għaliex in-nefqa rikurrenti tal-gvern żdiedet bi kwazi 162 miljun ewro waqt li n-nefqa kapitali kibret b’aktar minn 129 miljun ewro.

In-nefqa rikurrenti inkludiet fost oħrajn spejjeż addizzjonali minħabba l-pandemija fosthom kważi 20 miljun ewro aktar għal materjal għall-isptarijiet u għaxar miljun ewro aktar għal benefiċċji soċjali minħabba l-Covid-19. Anke ż-żieda fin-nefqa kapitali kien fiha elementi li daħlu minħabba l-pandemija fosthom 115-il miljun ewro fi ħlasijiet li l-gvern għamel għas-suppliment tal-pagi.

Id-dejn tal-gvern qabeż is-sitt elef miljun ewro wara li żdied bi kważi 900 miljun ewro bejn Mejju tas-sena l-oħra u Mejju ta’ din is-sena. Mic-ċifri tal-NSO joħroġ li fl-ewwel ħames xhur tas-sena, il-gvern ħallas kważi 74 miljun ewro f’imgħax fuq is-self li kienu kważi 3 miljun ewro inqas mis-sena l-oħra.