Unjoni Ewropea
“Il-pandemija turina li għandna nkunu iktar preparati minn qabel għal sfidi bħal dawn”

Il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru – responsabbli, fost l-oħrajn, mid-djalogu soċjali, Carmelo Abela, waqt li rrefera għall-kritika li l-Unjoni Ewropea m’għamlitx u mhix tagħmel biżżejjed, qal li l-pandemija turina li għandna nkunu iktar preparati minn qabel għal sfidi bħal dawn, waqt li bħala pajjiżi membri nieħdu ħsieb xulxin fi spirtu ta’ solidarjetà.

Hu ħa sehem f’diskussjoni online bit-tema ‘Fejn Sejrin?’, flimkien ma’ rappreżentanti tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili, f’attività organizzata mill-Malta-EU and Steering Action Committee (il-MEUSAC) fl-okkażjoni tas-16-il anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u ta’ Jum l-Ewropa, li jiġi ċċelebrat kull sena fid-9 ta’ Mejju.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li l-pandemija wriet li m’għandhiex fruntieri u allura hija opportunità biex, bħala Stati Membri tal-UE, naħdmu flimkien b’modi differenti skont il-kompetenzi tal-UE, nazzjonali, jew maqsumin bejn it-tnejn f’oqsma bħas-saħħa, l-ekonomija, u l-ħolqien tax-xogħol.

Il-Ministru Abela qal li l-Unjoni Ewropea trid tkun aktar tan-nies, qrib in-nies, u għan-nies. Fisser li l-mexxejja tal-pajjiżi li huma parti mill-Unjoni Ewropea mhux neċessarjament jieħdu d-deċiżjonijiet li jridu n-nies biex ikunu popolari filwaqt li saħaq, iżda, fuq il-ħtieġa li l-istess mexxejja dejjem jagħtu widen lin-nies.

Il-Ministru Abela rrefera għall-irwol tal-Unjoni Ewropea fid-dinja li, qal, għandu jinħass iktar, b’mod speċjali fir-reġjuni ta’ madwar l-Unjoni. Meta mistoqsi fuq kif jara l-Unjoni Ewropea fil-futur, il-Ministru Abela qal li l-iktar ħaġa importanti hi li l-bniedem ikun fiċ-ċentru, biex nindirizzaw l-aspirazzjonijiet tan-nies.

Huwa rrefera wkoll għaż-żgħażagħ, li qal għandhom ikunu aktar parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet fejn l-iktar li l-Unjoni Ewropea trid tkun effettiva. L-iżvilupp sostenibbli, qal il-Ministru, għandu jkun il-qofol tad-deċiżjonijiet li jittieħdu, għaliex il-futur jiddependi minn kemm id-deċiżjonijiet li jittieħdu llum ikunu bbażati fuq kif se nużaw bl-aħjar mod ir-riżorsi li għandna.

Id-diskussjoni żvolġiet f’diversi temi marbuta mas-suġġett tal-laqgħa, fid-dawl tas-suċċessi u l-fallimenti tal-Unjoni Ewropea, li jitkejlu skont l-impatt, pożittiv jew negattiv, fuq il-ħajja tan-nies. Ġew diskussi t-temi tal-qagħda ekonomika waqt u wara l-pandemija tal-COVID-19 u kif intlaqtu s-setturi li jirrappreżentaw il-kelliema parteċipanti.

Tema oħra kienet dwar kif il-MEUSAC tista’ ssaħħaħ il-ħidma tagħha biex kull settur tas-soċjetà u kull individwu jibbenefikaw aktar mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Ir-rappreżentanti tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili faħħru l-għajnuna li jingħataw mill-MEUSAC għal taħriġ u biex jiksbu fondi għall-proġetti tagħhom. Il-Kap tal-MEUSAC, Mandy Falzon, qalet li fl-aħħar 12-il sena, il-MEUSAC għen mal-470 organizazzjoni biex kisbu mas-€60 miljun f’fondi Ewropej.

Id-diskussjoni tmexxiet minn Mandy Falzon u ħadu sehem ukoll Fabian Demicoli (Malta Chamber of SMEs), Kendrick Bondin (GWU), Jesmond Bonello (UĦM-Voice of the Workers,; Daniel Borg (Gozo Business Chamber), Gertrude Buttigieg (Malta Health Network), Faith Spearing (studenta), u Stephanie Fenech (Kunsill Lokali taż-Żejtun).

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Malti li jgħix l-Istati Uniti fl-aħħar sigħat esperjenza mill-qrib il-vjolenza u l-protesti li qed isiru f’diversi ibliet Amerikani wara l-qtil tal-Afro Amerikan George Floyd. Joseph Vassallo li ilu jgħix f’Santa…

COVID-19

Konsulent ewlieni tal-ġenetika jemmen li fi żmien ġimagħtejn oħra l-coronavirus jekk nibqgħu attenti jaf jisparixxi minn Malta. Il-Professur Christian Scerri qal li issa li se jitneħħew aktar miżuri restrittivi, importanti…

Pulizija

Iż-żgħażagħ Andre’ Mifsud u Kelsey Bugeja huma fost is-sitta u erbgħin rekluta li bdew taħriġ intensiv fl-akkademja tal-forzi dixxiplinati biex iservu bħala kuntistabbli. Oħrajn se jingħataw iċ-ċans japplikaw f’sejħa li…

COVID-19

Lura għan-normalità, iżda fadal xi ftit miżuri li se jibqgħu fis-seħħ fosthom il-limitazzjonijiet fl-operat tad-diskoteki li huma l-kalamita speċjalment għal ġenerazzjoni żagħżugħa. Organizzaturi ta’ festini mfittxija minn eluf f’Malta qalu…

Aktar