Reliġjon
Il-Papa b’messaġġ ta’ paċi u solidarjetà mit-tifrik li ħalla warajh l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku f’Mosul

Intemmet iż-żjara fl-Iraq tal-Papa Franġisku, bl-ajruplan tal-Alitalia bil-Papa abbord wasal Ruma minn Bagdad kmieni wara nofsinhar.

It-33 vjaġġ appostoliku tal-Papa Franġisku kien mimli simboliżmi.

Hu wassal messaġġ ta’ paċi u solidarjetà minn qalb it-tifrik li ħalla warajh l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fil-belt ta’ Mosul waqt li ltaqa’ wkoll ma’ missier it-tfajjel Alan Kurdi – li sitt snin ilu għereq waqt li kien qed jaqsam lejn l-Ewropa.

Seba’ snin wara li l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku daħal f’din il-belt u ddikjara li mhux se jistrieħ qabel jasal Ruma, minn qalb it-tifrik tal-gwerra u l-persekuzzjoni, Papa Franġisku għolla leħnu bħala “pellegrin tal-paċi”.

“Jinħtieġ li jkollna mhux biss il-ħila li naħfru, iżda wkoll il-kuraġġ li ma naqtgħu qalbna qatt. Naf li dan mhux faċli. Imma aħna nemmnu li Alla jista’ jġib il-paċi f’din l-art. Nafdaw fih, u flimkien, magħqudin ma’ dawk kollha ta’ rieda tajba, għandna ngħidu LE għat-terroriżmu u għall-manipulazzjoni tar-reliġjon.”

Kien vjaġġ mimli simboliżmu dan tal-Papa Franġisku fl-Iraq: f’Mosul telaq ħamiem abjad simbolu tal-paċi; iltaqa’ mal-Mexxej tal-Musulmani Xiiti l-Ayatollah Ali Al Sistani; u żar lill-Insara ta’ Qaraqosh.

F’Irbil kellu laqgħa privata ma’ Abdullah Kurdi, missier iċ-ċkejken Alan Kurdi, it-tfajjel li fl-2015 għereq meta flimkien m’ommu u m’eluf ta’ Sirjani oħra kienu qed jippruvaw jaħarbu mill-gwerra ċivili u jaqsmu lejn l-Ewropa. Ir-ritratti tal-katavru tat-tfajjel fuq xtajta Torka għadhom stampati f’moħħ kulħadd. Kelliem għall-Vatikan qal li l-Papa qatta’ ħafna ħin ma’ Abdullah Kurdi u bl-għajnuna ta’ interpretu sema’ l-weġgħat ta’ missier li tilef kollox għax kien qed jipprova jfittex ħajja aħjar għal familtu.

L-aħħar impenn tal-Papa Franġisku fl-Iraq kien jinvolvi ċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa privata fin-Nunzjatura Appostolika f’Baghdad. Fl-ajruport imbagħad sab lill-Prim Ministru tal-Iraq, Barham Salih, u lil martu biex isellmulu u jirringrazzjawh tal-wegħda li żamm – żjara f’pajjiż li tul dawn l-aħħar 40 sena ħlief gwerer u atti ta’ terroriżmu ma daqx. Dan kien it-33 vjaġġ appostoliku ta’ Papa Franġisku u l-ewwel wieħed f’nofs ta’ pandemija – vjaġġ li kien possibbli għax il-Papa diġa ngħata ż-żewġ dożi tat-tilqima kontra l-Covid-19.