Barranin
Il-Papa Franġisku bi vjaġġ Appostoliku fl-Iraq

Il-Papa Franġisku se jagħmel vjaġġ Appostoliku ta’ tliet ijiem fl-Iraq.

Il-Papa mistenni jitlaq mill-Vatikan għada. F’Baghdad huwa se jiltaqa’ mal-Prim Ministru Mustafa Al Kadhimi u ftit wara jitlaq lejn il-Palazz tal-President għaċ-ċerimonja uffiċjali.  Għada huwa se jżur il-Knisja tal-Madonna tas-Salvazzjoni. Wieħed mill-għanijiet ta’ din iż-żjara huwa li l-Papa jibgħat messaġġ ta’ kuraġġ lill-Iraqini li qed jirkupraw mill-gwerra tal-Istat Iżlamiku.

Huwa mistenni jżur Mosul ukoll fejn se jagħmel ħin ta’ talb mal-Komunità Kristjana li rat persekuzzjonijiet u oppressjoni qawwija taħt l-Istat Iżlamiku fl-2014.

Ilbieraħ, waqt l-udjenza ta’ kull nhar t’Erbgħa, il-Papa Franġisku qal li jittama li dan il-vjaġġ Appostoliku jħallu l-frott mixtieq u jservi bħala pass ‘il quddiem għal fraternità fl-Iraq. Talab lill-Insara sabiex jitolbu għalih u qal li ċ-ċittadini fl-Iraq jinsabu ħerqana għal dan il-vjaġġ. Dan hekk kif kienu xtaqu ħafna żjara mill-Papa Ġwanni Pawlu II iżda ma tħallix imur. Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien esprima x-xewqa li jmur l-Iraq xhur qabel il-Ġublew il-Kbir fl-2000. Madankollu, dan il-vjaġġ baqa’ qatt ma sar.

Iż-żjara mistennija tintemm nhar it-Tnejn. Din hija l-ewwel darba li Papa se jżur l-Iraq.