Barranin
Il-Papa Franġisku jagħmel passejn wara li ġie operat – qed iwieġeb tajjeb għall-kura

Id-direttur tas-Sala Stampa tal-Vatikan qal li l-Papa Franġisku qatta’ lejl trankwill u qed iwieġeb tajjeb għall-kura li qed jingħata wara li ġie operat il-Ħadd li għadda.

Żied jgħid li dalgħodu l-Papa ħa kolazzjon, qara xi gazzetti, u qam jimxi ftit. Id-direttur spjega li t-testijiet ta’ rutina li qed isiru lill-Papa Franġisku qed jirriżultaw tajbin.

Il-Ħadd li għadda l-Papa Franġisku ddaħal l-isptar Gemelli f’Ruma għal operazzjoni fil-musrana l-kbira. L-operazzjoni kienet skedata li ssir diġà iżda kollox inżamm sieket biex x’aktarx tiġi rrispettata l-privatezza tal-Papa. Lill-Papa operah il-Professur Sergio Alfieri.