Reliġjon
Il-Papa Franġisku jappella għall-waqfien ta’ kunflitti li għaddejjin madwar id-dinja

Il-Papa Franġisku appella għall-waqfien ta’ ħafna kunflitti li għaddejjin madwar id-dinja. Il-Papa fil-messaġġ tiegħu Urbi et Orbi qal li d-dinja tkun ferm aħjar mingħajr armanenti. Sadanittant l-Arċisqof Charles J. Scicluna appella biex dawk li jemmnu fi Kristu ma jaqtgħux qalbhom għax huwa ser jibqa’ magħhom bħalma baqa’ mad-dixxipli ta’ Emmaws.

F’nofsinhar il-Papa Franġisku appella biex tieqaf il-ġirja għall-armamenti u sostna li fid-dinja hawn wisq vjolenza u gwerer. Qal li dan huwa skandlu. Spjega li mingħajr l-armi d-dinja tkun post ferm aħjar.

Ħeġġeġ lill-Iżraeljani u lill-Palestinjani biex jersqu mal-mejda tad-diskussjoni biex tinstab soluzzjoni għall-konflitt li ilu għaddej għexieren ta’ snin. Il-Papa semma l-konflitti fil-Jemen, is-Sirja u fl-Afrika u wera t-tama li l-Libja ssib it-triq tal-waqfien mill-ġlied. Irrefera għall-popolazzjoni fil-Haiti u ħeġġiġhom biex isibu soluzzjoni definittiva għall-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom.

Il-messaġġ Urbi et Orbi din id-darba ingħata mill-bażilika ta’ San Pietru u mhux kif normalment isir mill-gallerija fi pjazza San Pietru minħabba li l-pubbliku ma jistax ikun preżenti kawża tal-miżuri tal-coronavirus. Huwa wera t-tama li r-restrizzjonijiet tal-pandemija jitneħħew ħalli terġa’ tissokta l-espressjoni reliġjuża madwar id-dinja u kulħadd jkun jista’ jerġa’ jitlob u jfaħħar lil Alla b’mod ħieles.

Huwa appella lill-Mexxejja Dinjin biex it-tilqima tkun provduta lil kulħadd, speċjalment f’dawk iż-żoni fejn jgħixu l-foqra. Huwa appella għat-tqassim ġust tagħha madwar id-dinja. Il-Papa Franġisku qal li t-tbatija m’għandhiex l-aħħar kelma għax permezz tal-fidi din tinbidel fi glorja.

Intant, fl-omelija ta’ Ħadd il-Għid fil-Katidral tal-Imdina, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ħeġġeġ lil dawk li jemmnu biex ma jaqtgħux qalbhom għax Kristu bħal ma baqa’ mad-dixxipli ta’ Emmaws ser jibqa’ magħhom. Waqt il-quddiesa mingħajr konkregazzjoni minħabba l-miżuri tal-pandemija, l-Arċisqof Scicluna qal li ħafna drabi l-imġiba skandaluża u l-poter ta’ din id-dinja jidher li bħal donnu qed jirbaħ.

Monsinjur Scicluna qal li d-dixxipli ta’ Emmaws fil-preżenza ta’ Kristu ħassew qalbhom titħeġġeġ għax fejn hemm hu hemm ħolqien ġdid, il-grazzja tirbaħ fuq id-dnub u l-paċi tirrenja flok l-ansjetà. Huwa qal li l-qsim tal-ħobż fetaħ għajnejn id-dixxipli biex jagħrfu lil Kristu biex din tkun mod ta’ ħajja li wieħed jagħti ħajtu għall-ieħor.