Lokali
Il-Papa Franġisku jappella lill-kardinali ġodda biex jibqgħu viċin Alla

Ħdax-il Kardinal minn 13 nominati, ilbieraħ inħatru mill-Papa Franġisku fosthom Monsinjur Mario Grech, illum reġgħu ngħaqdu mal-Papa fil-Bażilika ta’ San Pietru biex flimkien jikkonċelebraw quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla għal din is-sejħa li fiha ser ikomplu jservu lill-Knisja Kattolika bħala kollaboraturi tal-Mexxej tal-Knisja.

Il-Kardinali l-ġodda li nħatru fil-Konċistorju tal-bieraħ libsin il-vestwarju vjola li jissinifika t-tbatija u s-sofferenza fil-bidu tal-Avvent ingħaqdu mal-Papa Franġisku għall-konċelebrazzjoni Ewkaristika bħala ringrazzjament lil Alla għas-sejħa li għamlilhom li tesiġi li jekk ikun hemm bżonn jistgħu anke jaċċettaw li jieħdu l-martirju biex jippriedkaw u jxerrdu l-Kelma ta’ Alla.

Il-Kardinal Mario Grech li huwa t-tielet Kardinal tad-Djoċesi Maltija, l-ewwel kardinal elettur Malti u l-ewwel wieħed mill-Gżira Għawdxija kien preżenti fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan wara li lbieraħ il-Papa ħatru Kardinal.

Il-Papa fl-omelija tiegħu ħeġġeġ lill-Kardinali biex jibqgħu viċin Alla u ma jaqtgħux qalbhom fil-ħajja tat-talb ħalli juru li għandhom bżonn lil Alla fil-ħajja tagħhom filwaqt li jħossuhom viċin tiegħu. Qallhom li Alla ma jimponix ruħu fuq il-bniedem iżda li jrid li jkunu huma li jsejħulu u jistidnuh f’qalbhom.

Il-Papa Franġisku qal li l-preżenza ta’ Alla tinħass meta wieħed iħoss li Alla huwa viċin għax jibqa’ viġilanti l-ħin kollu għax żball wieħed fil-ħajja jista’ jtellef dak kollu li sar . Qallhom li l-interessi personali u l-għaġla tal-ħajja tista’ twassal għall-aljenazzjoni iżda Alla jibqa’ jsejjaħ għall-attenzjoni tagħhom. Għalhekk il-Papa qalilhom biex joqogħdu attenti, jistembħu u jkunu viġilanti.

Il-Papa ħeġġeġ lill-Kardinali biex jgħixu fl-istennija tal-Iben ta’ Alla speċjalment f’dan iż-żmien tal-Avvent fejn il-Knisja tkun qed tipprepara għall-miġja ta’ Kristu. Huwa qallhom li anke jekk kollox jidher mudlam u qed jgħixu sitwazzjoni ta’ taħbit għad jasal jum qalilhom Papa Franġisku li jingħaqdu ma’ Alla l-Missier. Huwa qal li l-Kardinali jridu jitgħallmu jgħixu fit-tama tas-sema u ma jibqgħux iżommu f’qalbhom xewqa għal ftit flus jew xi pożizzjoni ta’ fama għax kollox ser jgħaddi. Qallhom biex ma jaħlux ħin jilmentaw għax iridu li javvanżaw fil-karriera tagħhom filwaqt li fakkarhom li kollox huwa temporanju. Spjegalhom li din mhix faċli iżda hija diffiċli ħafna.

Għall-Quddiesa kienet mistiedna kongregazzjoni żgħira ta’ persuni minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija.