Reliġjon
Il-Papa Franġisku jibdel il-liġijiet dwar l-abbuż sesswali

Il-Papa Franġisku rriforma l-liġi kanonika li tirrigwarda l-abbuż sesswali, b’test ġdid li, fi kliemu jintroduċi għadd ta’ bidliet fil-liġi attwali u jimponi sanzjonijiet għal offiżi ġodda.

Bil-liġijiet il-ġodda għall-ewwel darba l-Knisja qed tikkriminalizza b’mod ċar l-abbuż sesswali, it-trawwim tat-tfal u persuni vulnerabbli għas-sess, il-pornografija tat-tfal, kif ukoll li wieħed jipprova jgħatti l-abbuż. Għall-ewwel darba wkoll, il-lajċi jistgħu jiffaċċjaw il-konsegwenzi għal abbuż.

Il-liġijiet riformati, li mistennija jidħlu fis-seħħ fit-8 ta’ Diċembru li ġej, jibnu fuq ir-reviżjoni li beda l-Papa Benedittu XVI fl-2007, bit-test finali li ġie sottomess lill-Papa fi Frar li għadda wara konsultazzjoni wiesgħa.

Il-Papa Franġisku qal li l-karità u l-ħniena jesiġu wkoll li l-ekkleżjastiċi jikkommettu ruħhom biex jidrittaw dak li xi drabi jsir mgħawweġ.

Sostna li l-karità trid tkun mhux biss lejn il-Knisja u l-komunità Nisranija, imma wkoll lejn dawk li kkommettew reat, li għandhom bżonn kemm ħniena u anki korrezzjoni mill-knisja.