Lokali
Il-Papa Franġisku jista’ jżur Malta f’Novembru li ġej – rapporti

Il-Papa Franġisku jista’ jżur Malta f’Novembru li ġej, bil-vjaġġ jgħaqqad flimkien żewġ ġżejjer Mediterranji: Malta u Ċipru.

Din il-ġimgħa, meta l-Papa ħareġ mill-isptar, rapport tal-aġenzija Reuters semma 5 pajjiżi li l-Kap tal-Knisja Kattolika mistenni jżur sa tmiem is-sena, fosthom Malta. Ikkuntattjat minn Television Malta, kelliem uffiċċjali għall-Vatikan ma kkonfermax iżda bit-tweġiba tiegħu ħalla tieqa miftuħa li l-vjaġġ appostoliku għal Malta jista’ jsir erba’ xhur oħra.

Il-Papa Franġisku jumejn ilu rritorna l-Vatikan wara 11-il ġurnata fl-isptar Gemelli fejn ġie operat fil-musrana. Għall-kumplament ta’ dan ix-xahar il-Papa m’għandux impenji skedati ħlief it-talba tal-Angelus nhar ta’ Ħadd.

Bħala żjarat barra l-Vatikan, s’issa hemm konferma uffiċċjali ta’ vjaġġ appostoliku wieħed: lejn tmiem is-sajf. Kien il-Papa stess li fl-aħħar Angelus li mexxa mill-appartament tiegħu, sigħat biss qabel ma daħal l-isptar, ħabbar li bejn it-12 u l-15 ta’ Settembru se jmur l-ewwel fil-kapitali Ungeriża Budapest fejn se jmexxi l-quddiesa ta’ tmiem il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali u mbagħad jivjaġġa lejn is-Slovakkja għal żjara pastorali ta’ tlett ijiem li matulha ser iżur erbat ibliet.

Intant, it-Tnejn li għadda, l-Isqfijiet Skoċċiżi ħabbru li l-Papa se jattendi għall-konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima li se titlaqqa’ fi Glasgow f’Novembru. Fi żjara fil-Vatikan f’Mejju li għadda, il-mibgħut tal-President Amerikan għall-Klima, John Kerry, kien qal li l-Papa mistenni jattendi għall-konferenza u indika li jista’ jkun hemm għall-ftuħ tal-laqgħa ma’ mexxejja oħra minn madwar id-dinja.

Rapport din il-ġimgħa mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, dakinhar li l-Papa ħareġ mill-isptar, qal li f’Novembru li ġej il-Papa mistenni li jżur ukoll Malta u Ċipru. Television Malta staqsa lin-Nunzjatura Appostolika f’Malta jekk dan ir-rapport hux minnu. In-Nunzjatura qalet li s’issa għadha mhix mgħarrfa b’dan u talbitna nikkuntattjaw lill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan jew tal-Knisja f’Malta. Television Malta mexa ma’ din ir-rakkomandazzjoni, u staqsa ‘l dawn l-entitajiet jikkonfermawx jew le dak rappurtat mill-aġenzija Reuters.

Il-kelliem għall-Kurja qal li stqarrija dwar il-vjaġġ appostoliku tal-Papa f’Malta titħabbar ladarba d-data tiġi kkonfermata. Żied jgħid li din id-deċiżjoni tikkunsidra wkoll is-sitwazzjoni tal-pandemija biex tiġi żgurata s-saħħa u s-sigurtà tal-Papa, tal-poplu Malti u ta’ dawk involuti, kif il-Knisja dejjem għamlet f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Minn Ruma, l-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan wieġeb li s’issa l-uniku vjaġġ konfermat hu dak tas-Slovakkja u l-Ungerija. Madankollu, żied jgħid li qed jiġu studjati xi pjani ta’ vjaġġar għall-Papa fil-Ħarifa li ġejja, imma għadu kmieni biex jitkellem dwarhom.

Il-Papa Franġisku kellu jżur Malta fl-aħħar ta’ Mejju tas-sena l-oħra bit-tħejjijiet kienu bdew diġa fost indikazzjonijiet li billi ż-żjara kienet se tinkludi lil Għawdex kienet se tkun mifruxa fuq jumejn. Madankollu, iż-żjara ġiet posposta minħabba s-sitwazzjoni fid-dinja kkawżata mill-COVID-19, bid-data l-ġdida tiġi stabbilita ‘il quddiem.

Jekk jirriżulta dak rappurtat minn Reuters, bi vjaġġ li jgħaqqad lil Malta u Ċipru, din tkun it-tieni darba li l-Papa żar Malta ma’ pajjiżi oħra. Fl-2001, Malta kienet l-aħħar waqfa għal Ġwanni Pawlu II fi vjaġġ fuq il-passi ta’ San Pawl li nkluda l-Greċja u s-Sirja.