Reliġjon
Il-Papa Franġisku jmexxi mument straordinarju ta’ talb mill-Vatikan

Illejla l-Papa Franġisku mexxa mument straordinarju ta’ talb mill-Vatikan.

Iċ-ċelebrazzjoni inkludiet qari mill-Kelma ta’ Alla, mument ta’ adorazzjoni fil-preżenza tas-Sagrament u fl-aħħar il-Papa ta l-Bakra Urbi et Orbi, lill-belt u lid-dinja.

Għalkemm minħabba l-pandemija tal-coronavirus Pjazza San Pietru kienet vojta min-nies, mijiet ta’ eluf ta’ insara ngħaqdu mal-Papa permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali; fost il-mezzi f’Malta l-istazzjon TVM2.

Għal din l-okkażjoni, inħareġ kurċifiss mirakoluż li jinsab fil-Parroċċa ta’ San Marcello al Corso f’Ruma. Dan il-Kurċifiss inħareġ bosta drabi, fosthom meta l-Italja, fl-1522 kien hemm il-pesta s-sewda u meta dan irritorna lura fil-knisja, il-pesta għebet. Fuq dahar dan il-Kurċifiss, hemm minquxa l-ismijiet tal-Papiet li minn żmien għal żmien irrikorrew għalih; l-aħħar wieħed tal-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000.

F’kollegament dirett magħna mill-Kurja, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, qal li kien mument storiku dak tal-lejla għaliex il-barka Urbi et Orbi normalment tingħata f’żewġ mumenti: fil-Milied u fl-Għid il-Kbir.

Minkejja dak kollu li għaddej, deħlin għal żmien partikulari: bħal-lum Ġimgħa t-tifkira tad-Duluri tal-Madonna, u mbagħad tibda l-Ġimgħa Mqaddsa. Se tkun Ġimgħa Mqaddsa differenti ħafna, bl-aħħar direttivi mill-Vatikan saħansitra jgħidu li mhemmx ħtieġa li fil-knejjes jitrama l-Altar tar-Ripożizzjoni.

Isma’ x’qal l-Arċisqof Charles Scicluna hawn;