Knisja Maltija
Il-Papa Franġisku jneħħi lil Patri Donald Bellizzi minn saċerdot

Il-Papa Franġisku laqa’ t-talba tal-Ordni Franġiskana li permezz tagħha Patri Donald Bellizzi ta’ 50 sena ngħata d-dispensa minn saċerdot u reliġjuż.

Bellizzi qed jiskonta piena ta’ tliet snin ħabs wara li nstab ħati li bejn l-2010 u l-2013 abbuża sesswalment minn ġuvni f’wieħed mill-kunventi tal-Ordni f’Burmarrad.

Patri Donald Bellizzi, li kien kappillan ta’ Burmarrad, kien jieħu żgħażagħ li kienu juru li għandhom vokazzjoni li jsiru patrijiet, għal irtir fil-kunvent ta’ Burmarrad u f’dan il-post sar l-abbuż sesswali fuq wieħed miż-żgħażagħ li dak iż-żmien kellu 14-il sena.

Malli l-każ wasal għall-attenzjoni tal-Kurja, din għamlet rapport lill-Pulizija u bdew l-investigazzjonijiet. Donald Bellizzi kien tressaq il-qorti tal-Maġistrati fl-2015 u nstab ħati ta’ attivitajiet sesswali fuq minuri. Hu kien appella din is-sentenza, iżda f’Novembru li għadda, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ċaħdet din it-talba.

Is-Safeguarding Commission tal-Kurja, li tinvestiga rapporti ta’ abbużi minn qassisin qalet li wara li saret it-talba lill-Papa Franġisku biex Patri Bellizzi jitneħħa minn saċerdot, Bellizzi ngħata d-dispensa minn saċerdot u reliġjuż. Il-Kummissjoni qalet li d-digriet mill-Vatikan inħareġ fit-3 ta’ Diċembru u Donald Bellizzi iffirmah fit-22 ta’ Diċembru.