Barranin
Il-Papa Franġisku jtemm iż-żjara storika fl-Iraq

Il-Papa Franġisku temm iż-żjara storika fl-Iraq billi ltaqa’ mal-mexxejja Misilmin u Kristjani filwaqt li talab biex il-paċi u l-armonija bejn ir-reliġjonijiet jibqgħu jirrenjaw fuq it-terrur tal-gwerra. Akkumpanjat mill-President tal-Iraq, il-Papa stqarr li l-Iraq dejjem se jibqa’ f’qalbu.

Il-Papa Franġisku żar erbat ibliet fil-pajjiż fosthom Mosul li kienet territorju maħkun mill-grupp li jsejjaħ lilu nnifsu Stat Iżlamiku. Il-militanti tal-Istat Iżlamiku ħakmu l-belt bejn l-2014 u l-2017 u għamlu ħerba minn għadd ta’ postijiet konsagrati. Il-Papa, li għandu 84 sena, iltaqa’ għall-ewwel darba mal-kjeriku Musulman tax-Xiti.

Il-Papa Franġisku kkonċelebra quddiesa f’Erbil li għaliha attendiet folla ta’ madwar 10,000 ruħ. Fil-messaġġ tiegħu f’Ebril, il-Papa Franġisku irrefera għar-reġjun storiku tal-Mesopotamja u irrimarka kemm kienet sfortuna li din il-parti tad-dinja, meqjusa bħala l-benniena taċ-ċivilizzazzjoni spiċċat fil-mira ta’ atti orribli li għalihom pattew kemm Insara u anke Musulmani.

L-Iraq għadu qed ifiq mill-feriti tat-terroriżmu u l-korruzzjoni fit-tmexxija tal-pajjiż, 18-il sena wara l-invażjoni tal-Istati Uniti.