Reliġjon
Il-Papa jaħtar l-ewwel mara b’kariga għolja fis-Segretarjat tas-Sinodu tal-Isqfijiet fil-Vatikan

Il-ħatra tal-ewwel mara b’kariga għolja fis-Segretarjat tas-Sinodu tal-Isqfijiet fil-Vatikan qed titqies bħala sinjal ta’ fiduċja mill-Knisja fin-nisa.

Sister Nathalie Bacquart hija waħda miż-żewġ sotto-segretarji ġodda li se jaħdmu mal-Kardinal Mario Grech fil-ħidma tiegħu bħala segretarju ġenerali tas-Sinjodu tal-Isqfijiet.

Sister Nathalie Becquart hija l-ewwel sotto-segretarju mara fis-Sinodu tal-Isqfijiet. Fil-kariga, hi għandha dritt li tivvota fis-Sinodu li jmiss li mistenni jsir f’Ruma s-sena d-dieħla u li se jiffoka fuq il-Knisja Sinodali.

Fil-media internazzjonali, il-ħatra ta’ Becquart ġiet deskritta bħala storika u saħansitra rivoluzzjonarja.

Is-soru Franċiża ta’ 52 sena, li għandha passjoni għall-ibburdjar, ixebbaħ din il-missjoni ma’ avventura ġdida f’nofs l-oċean. Hi qalet lill-ġurnalisti li huwa l-Papa Franġisku li qed jikteb l-istorja, għax huwa qrib in-nies, iħoss u jisma’.

F’sinodi tal-passat, sehem in-nisa kien bħala osservaturi u konsultenti, imma kienu biss l-irġiel, fil-parti l-kbira isqfijiet, li setgħu jivvutaw fuq il-pożizzjonijiet finali mibgħuta lill-Papa, li mbagħad ifassal id-dokument tiegħu.

Sister Nathalie Becquart, li fl-aħħar sentejn ħadmet bħala konsulent fl-uffiċċju tas-sinodu, stqarret li fil-Vatikan l-affarijiet mhumiex dejjem faċli. Qalet li bħal meta tkun f’nofs ta’ baħar, taffaċċja l-maltemp u r-riħ qawwi, imma tiskopri wkoll veduti mill-isbaħ.

Sister Nathalie se taħdem spalla ma’ spalla mal-Kardinal Mario Grech. F’intervista ma’ Vatican News, il-Kardinal Grech qal li b’dawn il-ħatriet il-knisja se tkun aktar sinodali – kif inhi x-xewqa tal-Papa Franġisku.

Dan jirrifletti dak li Monsinjur Grech qal lil TVM ftit jiem qabel inħatar Kardinal.

”Il-Papa jrid Knisja sinodali, dan se jkun il-legat li se jħalli lill-Knisja. Però b’mod aktar ġeneriku, jien naħseb li l-Papa Franġisku għen, qed jgħin lill-Knisja biex tkun aktar qrib tan-nies.”

Monsinjur Grech qal li l-Papa Franġisku kemm-il darba saħaq dwar l-importanza li n-nisa jkunu nvoluti aktar fil-Knisja, inkluż fit-teħid ta’ deċiżjonijiet.