Barranin
Il-Papa jappella għal solidarjetà mill-UE fl-isfond tal-pandemija

Fil-Bażilka ta’ San Pietru, battala min-nies, Papa Franġisku iċċelebra il-quddiesa tal-Għid il-Kbir. Fil-messaġġ “Urbi et Orbi” lil Ruma u lid-dinja, il-Papa Franġisku appella għas-solidarjetà fost oħrajn mill-Unjoni Ewropea fl-isfond tat-tbatijiet ikkawżati bil-pandemija.

“The European Union is presently facing an epochal challenge, on which will depend not only its future but that of the whole world. Let us not lose the opportunity to give further proof of solidarity, also by turning to innovative solutions,” qal il-Papa Franġisku.

Il-Papa Frangisku qal li jekk l-Unjoni Ewropea tonqos li turi soldiarjetà’, tagħmel ħsara għall-paċi fost l-istati ewropej u l-iżvilupp ta’ ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Papa sejjaħ biex jittaffew is-sanzjonijiet internazzjonali, tingħata għajnuna lill-pajjiżi foqra u għall-waqfien mill-ġlied.

Huwa qal li għal ħafna, dan l-Għid hu wieħed ta’ uġiegħ, kemm mill-aspett ta’ saħħa kif ukoll minħabba id-diffikultajiet ekonomiċi. Appella lil dawk kollha li għandhom responsabiltajiet politiċi biex jaħdmu għall-ġid komuni u jipprovdu l-meżżi li jgħinu lin-nies jgħixu ħajja b’dinjità.

Il-Papa Franġisku talab għal professjonisti fil-qasam tas-saħħa u dawk kollha li qed jaqdu dmirijiethom f’dan iż-żmien ta’ pandemija. Hu appella biex il-foqra, dawk mingħajr saqaf fuq rashom, ir-refuġjati u dawk fil-periferiji fis-soċjetà jingħataw għajnuna billi saħaq li dan mhux żmien l-indiffierenza.

Talab ukoll għall-ħarsien tal-immigranti u r-refuġjati, li ħafna minnhom huma tfal, speċjalment dawk li jinsabu fil-Libja u fil-fruntiera bejn il-Greċja u t-Turkija.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li dan l-Għid għandu jkun raġġ ta’ tama.

F’messaġġ fuq il-media soċjali, l-Arċisqof qal li kienu diversi li staqsewħ jekk għandhomx jiċċelebraw l-Għid din is-sena.

“L-Għid din is-sena, mhux Għid ta’ ħafna tradizzjonijiet qaddisa ta’ religjożita’ popolari li tant ahna ingawdu u tant ahna marbutin maghhom imma irid ikun Għid ta’ tama,” qal l-Arċisqof Charles Scicluna.

Mons Scicluna qal li l-aħbar li l-Mulej qam tassew hi waħda sabiħa, mhux biss għal dawk li mietu bil-COVID19, imma anke għalina.

Waqt il-quddies tal-Għid li ċċelebra fil-kappella tal-Kurja fil-Floriana, l-Arċisqof qal li l-Mulej qed isejħilna biex nagħfsu il-buttuna li ġġib kollox kif kien fil-bidu u jistedina biex ħajjitna tkun safja u sewwa.

Fi tmiem il-Quddiesa tal-Għid, l-Arċisqof ħareġ fuq it-tarag tal-Kurja b’Gesù Ewkaristija biex ibierek lill-pajjiż. Wara, huwa żar il-kappella tal-Kwartieri Generali tal-Pulizija fil-Floriana u irringrazzja, talab u bierek il-Pulizija u l-forzi tal-ordni kollha.