Barranin
Il-Papa jgħid li l-ħarsien tal-ibħra jindirizza l-kundizzjonijiet ħżiena tal-ħaddiema

Il-Papa Franġisku fakkar fir-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna lejn l-ambjent u saħaq li huwa d-dmir ta’ kull wieħed u waħda minna li nħarsu l-ibħra.

F’messaġġ li l-Papa bagħat lill-parteċipanti tal-konferenza Our Ocean, li qed tittella’ f’Malta bejn il-ilbieraħ u llum, qal li jekk kull pajjiż iħares l-baħar ikun qed jaħdem fuq għadd ta’ problemi oħra fosthom it-traffikar tan-nies, il-kundizzjonijiet ħżiena tal-ħaddiema fl-industrija tas-sajd u l-problema tal-livelli tal-baħar li dejjem qed jgħolew.

Fil-messaġġ mibgħut mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, il-Papa ta ħarsa u kkwota diversi siltiet mill-enċliklika tiegħu Laudato Si.

Sostna li l-pajjiżi għandhom jingħaqdu u jaħdmu flimkien għall-ġid komuni mhux biss fl-isfond tal-liġijiet internazzjonali iżda aktar u aktar fir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem. Fl-isfond ta’ dan, huwa saħaq li ħadd ma jista’ jdawwar wiċċu jew jagħlaq għajnejh għall-problemi li qed jikkawża t-tniġġis tal-iskart li qed jintrema bl-addoċċ. Huwa ta’ eżempju bil-plastik u qal li dan qed iwassal għall-konsegwenzi serji ħafna kemm fuq is-saħħa tal-ħlejqiet marittimi kif ukoll fuq saħħet il-bniedem.

Fil-messaġġ qasir tiegħu l-Papa ħeġġeġ ukoll biex l-iżvilupp fil-qasam teknoloġiku jixpruna l-bidla tal-għajxien preżenti u jippromwovi żvilupp uman awtentiku.

Filwaqt li reġa’ dar għall-enċiklika Laudato Si, il-Papa appella għal iżjed edukazzjoni fir-relazzjoni bejn l-umanità u l-ambjent għax il-kontemplazzjoni fl-ambjent u fil-ħolqien tista’ sservi bħala sors infinit ta’ ispirazzjoni.

 

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Il-PM jgħid li sas-sena d-dieħla 30% tal-ibħra Maltin se jkunu protetti