Reliġjon
Il-Papa jistqarr li dejjem kellu stima kbira lejn il-Kardinal Prospero Grech

Lejlet il-funeral tal-Kardinal Malti Prospero Grech, li ser isir fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, il-korp tal-Kardinal Grech llum kien espost fl-Istitut Agostinjan Santa Monika fejn għex u ħadem għal ħafna snin.

F’telegramma lill-Ġeneral tal-Ordni tal-Agostinjani, il-Papa Franġisku esprima l-kondoljanzi tiegħu għall-mewt tal-Kardinal Prospero Grech u qal li hu dejjem kellu stima kbira lejh kemm għax-xhieda personali li ta għall-ħajja kkonsagrata tiegħu kif ukoll għas-servizz eżemplari tiegħu fil-formazzjoni ta’ ġenerazzjonijiet ġodda, speċjalment qassisin.

Il-Papa fakkar b’mod speċjali s-snin twal ta’ servizz li l-Kardinal Malti ta’ b’kompetenza kbira bħala lettur f’diversi universitajiet f’Ruma, kif ukoll is-servizz tiegħu għas-Santa Sede.