Barranin
Il-Papa qed ikompli jirkupra- qed jimxi u jiekol bl-għajnuna

Il-Papa Franġisku qed ikompli jirkupra mill-operazzjoni li għamel il-Ħadd li għadda fil-musrana l-kbira. Il-Vatikan qal li l-Papa qed jimxi u jiekol bl-għajnuna u li r-riżultati tat-testijiet tad-demm huma sodisfaċenti.

Din hi l-ewwel darba li Franġisku, li għandu 84 sena, iddaħħal l-isptar minn kemm ilu Papa. Il-Kelliem għall-Vatikan Matteo Bruni qal li lbieraħ il-Papa kien kalm u kompla bil-kura waqt li ikkonċelebra quddiesa fil-kappella privata u filgħaxija kiel ma’ dawk li assistewh fl-aħħar ġranet.

Il-Ħadd li għadda l-Papa Franġisku ddaħal l-isptar Gemelli f’Ruma għal operazzjoni fil-musrana l-kbira. L-operazzjoni kienet skedata li ssir diġà iżda kollox inżamm sieket biex x’aktarx tiġi rrispettata l-privatezza tal-Papa. Lill-Papa operah il-Professur Sergio Alfieri.