Lokali
Il-Papa se jiddeċiedi jekk jippubblikax ir-rapport tal-Arċisqof Scicluna dwar abbuż sesswali

Fi tmiem missjoni pastorali fiċ-Ċili bħala mibgħut speċjali tal-Papa Franġisku, l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal li hu f’idejn il-Papa jekk jippubblikax ir-rapport dwar l-abbużi sesswali u jgħaddihx lill-awtoritajiet ċivili tac-Ċili. Din kienet it-tieni żjara ta’ Monsinjur Scicluna fiċ-Ċili. Fi Frar li għadda hu ġabar ix-xhieda tal-vittmi tal-abbużi sesswali minn membri tal-kleru f’rapport ta’ 2,300 paġna.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna temm il-missjoni fiċ-Ċili bħala mibgħut tal-Papa Franġisku. Akkumpanjat minn Monsinjur Jordi Bertomeu, fl-aħħar tmint’ijiem huma ltaqgħu ma’ mijiet ta’ persuni fil-kapitali Ċilena u rċevew ukoll numru ta’ ittri dwar l-iskandlu tal-abbuż sesswali minn membri tal-kleru Ċilen.

Għarkupptejh quddiem miġemgħa ta’ Kattoliċi Ċileni fil-Katidral ta’ Osorno, l-Arċisqof Scicluna talab apoloġija f’isem il-Papa Franġisku.

Din l-apoloġija qasmet lill-membri tal-Knisja f’Osorno, b’uħud minnhom għadhom mhumiex lesti li jaċċettawha.

F’konferenza tal-aħbarijiet, l-Arċisqof Scicluna qal li hija deċiżjoni tal-Papa Franġisku jippubblikax ir-rapport ta’ 2,300 paġna bix-xhieda tal-allegati vittmi ta’ abbużi seswali. Ir-rapport jakkuża lill-Isqfijiet Ċileni b’negliġenza gravi fil-mod kif indirizzaw l-allegazzjonijiet ta’ tfal li ġew abbużati u jgħid li tħassret l-evidenza ta’ reati sesswali.

Mistoqsi jekk il-Vatikan hux se jgħaddi r-rapport lill-awtoritajiet ċivili taċ-Cili, Monsinjur Scicluna qal li l-libertà u l-awtonomija tal-Knisja Kattolika għandha tiġi rispettata. Qal li r-raport mhux tiegħu imma tal-Papa.

Id-dikjarazzjoni saret fl-isfond ta’ rapporti ġodda b’allegazzjonijiet oħra ta’ abbużi fi bliet Ċileni ta’ Aysen u Temuco.

Fl-aħħar jiem, il-Pulizija Ċilena wettqet numru ta’ raids għall-għarrieda f’uffiċini tal-Knisja, minn fejn ħadet dokumenti relatati ma’ dawn il-każi.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

L-Oppożizzjoni qalet fi stqarrija li se titlob lill-Kumitat Parlamentari għall-fondi pubbliċi biex jinvestiga b’urġenza l-għoti tal-hekk imsejħa “golden handshake” lill-uffiċjali biex jirriżenjaw mill-impjieg. Dan wara, fost oħrajn, il-protest ġudizzjarju li…

Turiżmu

L-ogħla numru ta’ passiġġieri li daħlu Malta f’sena abbord cruise-liner mistenni jintlaħaq din is-sena. Bi kważi disa’ mitt elf passiġġier, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, qal li l-2019…

Immigrazzjoni

Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Italja ġew diskussi fl-ogħla livell f’taħditiet f’Ruma bejn il-President George Vella u l-President Sergio Mattarella propju fl-istess ħin li fuq il-baħar kienet għaddejja kwistjoni oħra…

Kronaka

Raġel weġġa’ gravi f’inċident f’Marsaxlokk. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5.00pm fi Triq Delimara. Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta’ 36 sena li jgħix il-Kalkara kien qed…

Aktar