Il-parkeġġ f’pajjiżna għandu jsir bi ħlas?

L-iżvilupp li esperjenza pajjiżna ġab miegħu diversi problemi liċ-ċittadini jridu jiffaċċjaw ta’ kuljum, il-parkeġġ huwa wieħed minnhom. Kull min għandu xi tip ta’ vettura jaf kemm saret diffiċli biex issib tipparkja f’ċertu żoni ta’ pajjiżna. Biss din il-problema ilha ġejja snin, teżisti soluzzjoni sostenibbli kif nistgħu nindirizzawha?

Tkellimna mal-Professur Maria Attard, direttur mill-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli. Tkellmet fuq il-fatt li l-problema tal-parkeġġ hija parti minnha t-tort tagħna stess, għaliex ħloqna dipendenza assoluta fuq il-vetturi tagħna, filwaqt li bqajna nassumu li l-ispazju għall-parkeġġ barra l-bieb tad-dar huwa garantit u bla ħlas. Biss il-verità hi li dak l-ispazju mhuwiex tagħna bi dritt. Mistoqsija mill-preżentatur x’inhi soluzzjoni sostenibbli biex nindirizzaw tali problema, Attard spjegat li l-ippjanar kemm tal-lokalità kkonċernata kif ukoll ta’ bini ġdid għandu jikkunsidra l-parkeġġ bħala fattur importanti. Qalet ukoll li għandha tiġi kkunsidrata aħjar il-possibilità li l-parkeġġ f’pajjiżna jsir bi ħlas.

Jekk il-parkeġġ isir bi ħlas jiġu indirizzati diversi prattiċi egoistiċi li jeżistu fit-Toroq Maltin u Għawdxin. Fost dawn insibu persuni li joħorġu xi barmil jew xkupa biex iżommu parkeġġ għal meta jaslu lura mix-xogħol, oħrajn jitilqu karozza fl-istess parkeġġ għal ġimgħat sħaħ. Hawn min saħansitra jagħmel toqba u ganċ fil-parkeġġ ta’ quddiem il-bieb tad-dar biex jipparkja mutur u jorbtu b’katina. Jekk il-parkeġġ isir bi ħlas, dawn l-użanzi jinqatgħu.

Il-Professur Attard spjegat li l-progress ġab miegħu żieda eċċessiva ta’ karozzi reġistrati  li qed joħloq żbilanċ, għaliex l-infrastruttura preżenti mhux kapaċi tindirizza dan il-volum ta’ vetturi. Għalhekk għandha tinstab soluzzjoni sostenibbli li tikkunsidra l-bżonn tal-progress filwaqt li tindirizza l-impatt ambjentali.