Qasam soċjali
Il-Parlament Ewropew jadotta rapport tal-MPE Agius Saliba dwar il-persuni b’diżabilità

Ir-rapport tal-ewroparlamentari Alex Agius Saliba dwar il-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità ġie adottat b’maġġoranza kbira mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

L-imsemmi rapport jittratta l-ostakli li jsibu l-persuni b’diżabilità b’rabta mal-aċċessibbiltà, il-protezzjoni soċjali u d-drittijiet tal-impjieg.

F’kumment li għamel dwar ir-riżultat tal-votazzjoni, Agius Saliba esprima s-sodisfazzjon tiegħu li rnexxielu jikseb appoġġ kbir mill-kollegi fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet.

Huwa spjega li r-rapport qed jiffoka wkoll fuq għadd ta’ ostakli li jiltaqgħu magħhom it-tfal b’diżabilità fir-rigward tal-edukazzjoni inklużiva u nnota li t-tfal b’diżabilitajiet intellettwali għadhom qed jiffaċċjaw ħafna ostakli meta jiġu biex jissodisfaw l-edukazzjoni tagħhom.

Agius Saliba saħaq li l-Kummissjoni Ewropea għandha ssaħħaħ ir-rwol tal-Garanzija għat-Tfal biex tiżgura l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità.

Min-naħa tagħhom l-istati membri għandhom iżidu l-kapaċità tas-sistemi edukattivi tagħhom biex jipprovdu edukazzjoni inklużiva ta’ kwalità għolja għall-istudenti kollha.

Fir-rimarki konklużivi tiegħu Agius Saliba enfasizza li hemm bżonn isir aktar xogħol sabiex jiġi żgurat għixien indipendenti li huwa dritt fundamentali ta’ kull persuna.