Ambjent
Il-Parlament Ewropew jappoġġa t-tnaqqis fl-emissjonijiet mill-karozzi u l-vannijiet

Il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Ministri tal-Unjoni Ewropea qablu li fl-Unjoni Ewropea (UE) jkollna mira aktar ambizzjuża għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karozzi l-ġodda.

Huma approvaw il-proposta li saret mill-Ewroparlamentari Maltija Miriam Dalli li sal-2030 il-gassijiet ħżiena (CO2) mill-karozzi ġodda jonqosu għal 37.5%, filwaqt li l-emissjonijiet mill-vannijiet ġodda jonqosu għal 31% sal-2030.

Il-liġi proposta minn Dr Dalli għaddiet mill-Parlament Ewropew b’ 521 vot favur, 63 kontra u 34 astensjoni. Issa jmiss li din il-liġi tgħaddi quddiem il-Kunsill biex tiġi adottata.

Fi stqarrija maħruġa mill-Parlament Ewropew, Dr Dalli ġiet ikkwotata tgħid li l-Parlament iġġieled b’saħħa biex titħares l-integrità ambjentali tal-proposta u twassal għal benefiċċji fl-oqsma tas-saħħa, tal-konsumaturi u tal-innovazzjoni liċ-ċittadini Ewropej.

Żiedet tgħid li l-liġi proposta minnha rnexxielha tinkiseb minkejja oppożizzjoni ħarxa mill-industrija tal-karozzi u ċerti stati membri li rrifjutaw jgħarfu l-opportunitajiet li ser jinħolqu minħabba l-mira aktar ambizzjuża.

It-trasport huwa l-uniku settur fl-UE li ma rreġistrax tnaqqis sinifikattiv fil-gassijiet b’effett ta’ serra mill-1990, tant li ċifri uffiċjali juru li l-vetturi huma l-aktar li jniġġsu l-arja b’madwar 20% tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE.