Unjoni Ewropea
Il-Parlament Ewropew jivvota favur riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta u fl-Islovakkja

Ir-riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Gvernijiet ta’ Malta u l-Islovakkja ġiet approvata mill-Parlament Ewropew b’398 vot favur, 85 vot kontra u 69 astensjoni. Id-delegazzjonijiet Maltin fil-Parlament Ewropew kienu maqsuma fuq dal-vot.

It-tliet membri Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola, David Casa u Francis Zammit Dimech qalu li l-vot wassal messaġġ lill-Gvern Malti biex jagħmel numru ta’ bidliet importanti f’dak li għandu x’jaqsam mas-saltna tad-dritt u l-protezzjoni tal-ġurnalisti kif ukoll każi ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus li jimplikaw nies fl-ogħla livelli fil-gvern.

Ir-rizoluzzjoni titlob ukoll għal inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u tħeġġeġ ukoll biex jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja. Titlob ukoll il-pubblikazzjoni tal-inkesta Egrant u investigazzjoni dwar il-Panama Papers u l-kumpanija 17 Black. L-Ewroparlamentari Nazzjonalisti qalu li dir-riżoluzzjoni tipproteġi l-valuri Maltin u l-valuri Ewropej li huma se jkomplu jiddefendu.

L-Ewroparlamentari Afred Sant qal li dawk li mexxew din ir-riżoluzzjoni tellfu lill-Parlament Ewropew kull kredibilità meta jersaq biex jingħata xi rwol serju fil-konferma tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea jew barra minnha. “Żied jgħid li f’din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew għamilha ta’ prosekutur, ġurija u mħallef u sostna li r-riżoluzzjoni hija nieqsa mil-aktar elementi bażiċi tal-ġustizzja.

L-Ewroparlamentari Miriam Dalli qalet li l-mod kif ivvutaw l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti hija konferma oħra tal-iskop partiġjan ta’ din ir-riżoluzzjoni.

Il-Membru Parlamentari Laburista Marlene Mizzi qalet li b’dan il-vot il-membri Parlamenti Ewropej qed jimxu bi standards doppji u b’hekk il-Parlament Ewropew innifsu mhux iħaddem il-valuri tal-ġustizzja u l-oġġettività.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Pierre Portelli dar għall-mezzi soċjali u kiteb li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Karol Aquilina akkumpanja lil Manuel Delia l-Qorti fil-każ li għandu kontra l-midja tal-Partit Nazzjonalista. Dalgħodu fil-qorti kompliet il-kawża li…

Infrastruttura

Il-Kamra tal-Periti f’reazzjoni inizjali għal proposti għar-regoli l-ġodda dwar it-twaqqigħ u l-iskavar qalet li dawn mhumiex aċċettabbli u infurmat lil Periti bil-pożizzjoni tagħha biex tittieħed deċiżjoni dwarhom f’laqgħa ġenerali straordinarja…

Saħħa

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura s-Sala San Ġorġ Preca, waħda mill-ewwel swali li ġiet irranġata bħala parti mill-istrateġija ta’ għaxar snin għas-saħħa mentali. Minn għada din…

Aktar