Unjoni Ewropea
Il-Parlament Ewropew jivvota kontra l-użu tal-munizzjoni biċ-ċomb

Il-Parlament Ewropew ivvota kontra l-użu taċ-ċomb fl-iskrataċ tal-kaċċa, speċjalment qrib artijiet mistagħdra madwar l-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija, Birdlife Malta qalet li n-natura hija rebbieħa hekk kif spjegat li ċ-ċomb jagħmel ħsara lin-natura.

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonijiet, l-FKNK, irringrazzjat lis-sitt ewroparlamentari Maltin, qalet fehmu l-preokkuppazzjonijiet li kienet spjegat f’ittra li bagħtitilhom qabel ma kellu jittieħed il-vot. L-FKNK qalet li l-buffer zone tnaqset minn 400 għal 100 metru, u li issa kull stat membru jista’ jinterpreta d-definizzjoni ta’ art mistagħdra skond iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ pajjiżu.

Mill-banda l-oħra, il-partit ADPD, innota li s-sitt ewroparlamentari Maltin ivvutaw kontra l-mozzjonijiet, jiġifieri favur iċ-ċomb u qal li dan imur kontra l-interessi komuni tal-Maltin. Iċ-Chairperson ta’ ADPD, Carmel Caccopardo qal li wħud minn dawn l-ewroparlamentari spiss jilagħbuha tal-ambjentalisti meta fil-fatt juru biċ-ċar li jiġu jaqgħu u jqumu minn x’tgħid ix-xjenza u x’inhuma l-interessi vera tal-Maltin.