Budget2021
Il-Parlament japprova l-Budget 2021

Nefqa ta’ erba’ biljuni, ħames mija u tlieta u tletin miljun li tipprovdi għall-baġit tas-sena d-dieħla ġiet approvata mill-Parlament wara li ttieħed vot fuq l-estmi ta’ kull Ministeru bir-riżoluzzjonijiet emendati jkunu approvati b’36 vot favur u 27 vot kontra. L-emendi mressqa mill-Oppożizzjoni kienu megħluba bl-istess vot.

Ir-riżoluzzjonijiet imressqa minn kull Ministeru ġew emendati biex jirriflettu t-tibdil fid-dmirijiet tal-Ministeri wara t-tibdil fil-Kabinett li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fil-ġimgħat li għaddew meta diġa’ kienet intemmet id-diskussjoni fuq il-bagit fil-Kamra tad-Deputati.

L-abbozz ta’ liġi dwar l-approprjazzjoni dwar in-nefqa mill-Gvern għas-sena d-dieħla kien approvat b’36 vot favur u 25 vot kontra. L-estimi supplimentari għal din is-sena li jammontaw għal 930 miljun u 214,000 ewro kienu approvati wkoll. Kien ukoll approvat l-abbozz ta’ liġi dwar it-tieni approprjazzjoni għal din is-sena.

Il-Kamra tad-Deputati aġġornat għal btajjel tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena u se terġa’ tiltaqa’ it-Tnejn 11 ta’ Jannar.