Parlament
Il-Parlament japprova mozzjoni dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex

Il-Kamra tad-Deputati approvat mozzjoni mressqa mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u ssekondata mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana biex jitwettaq il-proġett ta’ mina bejn Malta u Għawdex. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex Chris Said ippropona emendi għal mozzjoni dwar l-istudji li kważi ġew aċċettati kollha mill-Gvern. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din il-mozzjoni saret biex ikun hemm deċiżjoni strateġika fuq dal-proġett li jsir wara li jitlestew l-istudji kollha u jkunu segwiti l-liġijiet kollha.

Id-dibattitu dwar il-mozzjoni li tressqet mill-Gvern wera grad qawwi ta’ qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-proġett tal-mina taħt il-baħar kif imwiegħed fil-programmi elettorali taż-żewġ naħat.

Il-Ministru għal Ghawdex Justyne Caruana enfasizzat it-tbatija li jgħaddu minnha l-Għawdxin li ta’ kuljum jaqsmu lejn Malta u lura. Hija qalet li l-Awtorità Reġjonali għal Għawdex se tindirizza t-tħassib li ntwera fl-istudju tal-impatt soċjali. Il-Ministru Caruana wriet il-fiduċja tagħha li l-Għawdxin li llum jgħixu Malta minħabba xogħol u studju se jmorru lura Għawdex meta l-proġett jitlesta biex jieqaf l-eżodu tal-Għawdxin. Qalet li b’hekk dawn jerġgħu jagħtu sehemhom ekonomikament u kulturalment għall-gżira Għawdxija. Hija assigurat lill-ħaddiema tal-Gozo Channel illi mhux se jitilfu l-impjieg tagħhom u stqarret li bdiet id-diversifikazzjoni tal-kumpanija.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex Chris Said qal li kien Gvern Nazzjonalista li nieda l-proposta għall-mina u beda l-istudji meħtieġa. Huwa qal li ż-żewġ naħat jaqblu mal-proġett għalkemm il-Gvern Laburista studja l-possibiltà ta’ bini ta’ pont. Dr Said qal li minkejja li se jkun hemm min jibqa’ kontra l-proġett, il-maġġoranza tal-Għawdxin u tal-Maltin jaqblu mal-bini tal-mina kif urew l-istudji li saru. Huwa appella lill-Gvern biex jikkonkludi l-istudji meħtieġa, jippublikahom u jkompli bil-konsultazzjoni pubblika. Huwa ressaq emendi għall-mozzjoni biex l-istudji kollha jkunu ippubblikati waqt li enfasizza l-ħtieġa li titħares l-identità ambjentali u kulturali Għawdxija.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern irid iwettaq dal-proġett fl-iqsar żmien possibbli wara li jsiru l-istudji kollha u l-proċeduri mitluba mil-liġijiet ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea. Huwa qal li l-Gvern jaqbel mal-maġġoranza tal-emendi li ressqet l-Oppożizzjoni. Dr Muscat qal li l-mozzjoni tressqet biex ikun ikkonfermat l-appoġġ għal dan il-proġett. Huwa qal li wieħed irid iqis l-użu tal-ġebel li se jiġi ġġenerat mit-tħaffir.

Il-Prim Ministru Muscat qal li hemm tliet studji li huma konklużi u se jiġu ppublikati. Żewġ rapporti minnhom huma tekniċi u ieħor huwa dwar riċerka li turi appoġġ għall-mina. Dr Muscat qal li l-Gozo Channel qed jaħdem fuq ir-raba’ vapur waqt li s-servizz tal-fast ferry huwa pospost minħabba kawża fil-Qorti.

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Fis-Siġġiewi, instabu 8 żoni fejn kien qed isir l-insib illegalment. Dan qalitu l-CABS fi stqarrija u saħqet li dawn ix-xbieki li jitpoġġew taħt l-ilma kienu qed jintużaw għall-insib tal-Pispisella, iċ-Ċewċewwa…

Ambjent

Wara li lbieraħ Infrastructure Malta qalgħet siġar mejta fit-Telgħa tas-Saqqajja biex tagħmel il-wisa’ għal siġar ġodda, illum beda x-xogħol ta’ tħawwil. Dalgħodu TVM żar il-post u seta’ josserva l-kumplament tat-tneħħija…

Pulizija

Għall-ewwel darba sal-aħħar ta’ din is-sena, il-Korp tal-pulizija ser ikollu flotta ta’ vetturi ġodda fid-distretti. Il-Korp, illum inawgura ħamsin vettura ġdida u sitt segways li se jintużaw l-aktar fiż-żoni pedonali…

Aktar