X

Il-Parlament jiftaħ il-bibien tiegħu għaż-żgħażagħ biex jagħtihom vuċi

Għal sena oħra, il-Parlament fetaħ il-bibien tiegħu għaż-żgħażagħ biex f’inizjattiva organizzata flimkien mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ tahom vuċi biex jgħinu fit-tfassil tal-politika nazzjonali f’oqsma ta’ interess b’diskussjoni dwar sitt mozzjonijiet li tħejjew u tressqu miż-żgħażagħ stess.

Fl-ewwel sessjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ, adoloxxenti fl-età sa tmintax-il sena ddiskutew mozzjonijiet dwar il-media u l-ġurnalizmu; l-istrateġija għall-iżvilupp tal-bini f’Malta u l-Vot 16. Luke Vella hu l-koordinatur tal-partit li ressaq ‘il quddiem il-mozzjoni dwar il-vot sittax u l-edukazzjoni ċivika.

”Edukazzjoni ċivika hija edukazzjoni differenti mill-edukazzjoni li nitgħallmu fl-iskejjel li jitgħallmu bl-amment, differenti minn kif jitgħallmu fil-matematika u l-Ingliż… hija edukazzjoni li tagħtik l-abbiltajiet li tkun kapaċi taħseb b’moħħok, li tkun analitiku u kritiku” qal Luke Vella.

Martina Grech hi l-koordinatriċi tal-partit li ppreżenta l-istrateġija għall-iżvilupp tal-bini f’Malta. Hi qalet li ż-żgħażagħ qed joffru soluzzjonijiet għall-problemi bħall-konġestjoni fit-toroq. Il-grupp ippropona monorail underground bħala mezz alternattiv tat-trasport.

”Bħalissa f’Malta għandna transport system li hi fit-toroq imma nemmnu li jekk nintroduċu alternattivi ġodda tista’ tkun is-soluzzjoni anki minħabba traffic” qalet Martina Grech.

Il-mozzjoni mill-partit li ffoka fuq il-midja u l-ġurnaliżmu f’Malta ssejjaħ fost l-oħrajn għal mezzi biex aħbarijiet foloz ikunu missielta bl-edukazzjoni.

Il-Kelliem parlament taż-żagħżagħ, Davinia Aguis qalet ”il-media hija sfurzata mill-partiti politiċi u allura naħsbu li hemm lok biex il-partiti politiċi jnaqqsu mill-influss tagħhom li qed jagħtu lejn il-media… u minflok ikunu l-ġurnalisti indipendenti li jkunu jafu jikkritikaw mingħajr ebda influss.”

It-tliet gruppi ta’ żgħażagħ li għandhom bejn it-tmintax u l-ħamsa u tletin sena ddiskutew riżoluzzjonijiet dwar is-saħħa mentali f’Malta, ir-riforma tal-prostituzzjoni u l-legalizzazzjoni tal-ħaxixa.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li din l-inizjattiva għandha l-għan tħeġġeġ parteċipazzjoni politika aktar attiva fost iż-żgħażagħ. Qal li l-politiċi u anke ż-żgħażagħ li qed iressqu l-proposti tagħhom huma fid-dmir li jkunu responsabbli u jaħdmu għat-titjib tal-ġid komuni.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-proposti taż-żgħażagħ se jingħataw widen. Hu esprima tħassib dwar lingwaġġ li qed jintuża fuq l-internet li qal qed ikattar il-mibgħeda. Dr Muscat qal li t-tweġiba għal dawn huma l-edukazzjoni u t-tolleranza.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ma jibżgħux jesprimu l-fehmiet tagħhom, jisfidaw ideat tal-passat u jimirħu lil hinn minn dak li hu konvenzjonali.

It-tieni sessjoni bis-sehem ta’ żgħażagħ fl-etajiet bejn id-dsatax u l-ħamsa u tletin sena ddiskutew riżoluzzjonijiet dwar is-saħħa mentali f’Malta, ir-riforma tal-liġi tal-prostituzzjoni u l-legalizzazzjoni tal-marijuana.

 

rg :