Ambjent
Il-Parlament mistenni japprova r-rilokazzjoni tat-tankijiet mill-Forti Rikażli

Għada l-Parlament mistenni japprova r-rilokazzjoni tal-faċilità tat-tindif tat-tankijiet tal-bastimenti minn ġewwa l-Forti Rikażli.

Dan wara taħditiet bejn il-Gvern u l-operatur li f’Jannar tal-2013 ngħata t-titlu tal-faċilita għal 30 sena.

F’kummenti ma’ Television Malta ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield qal r-rilokazzjoni tat-tankijiet kienet waħda mill-miżuri ewlenin fil-pjan għar-riġenerazzjoni tal-Kottonera.

“Billi l-infrastuttura hija waħda antika u investiment ma sarx bdew iħallu l-irwejjaħ. Issa la darba jkun hemm investiment din tibda tiffunzjona kif suppost. Però aħna jidhrilna li hemmhekk mhux postha. Dik hija l-unika bajja li għandna fil-Kottonera u n-naħa t’Isfel ta’ Malta u għalhekk nemmnu li dawk it-tankijiet mhux posthom hemm”.

L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara laqgħet b’sodisfazjon din l-aħbar u fuq il-paġna ta’ Facebook qalet li hija tat is-sehem tagħha biex dan il-pjan seta’ jitwettaq.

Hija sostniet li l-Bajja tar-Rinella għandha tingħata l-attenzjoni meħtieġa bħala waħda mill-ftit bajjiet ferm frekwentati minn nies tal-madwar.

L-assoċjazzjoniet żiedet li l-Forti Rikażli għandu jkompli jiġi konservat u restawrat ħalli jingħata lura d-dinjità li jistħoqqlu.