
Tista’ tgħid li darba jew oħra kulħadd għadda minn ħdejn din il-knisja parrokkjali li tifred żewġ karreġġjati ewlenin tat-traffiku, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta u bil-kontra. Għada jaħbat il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa ta’ Burmarrad, li l-ordni tal-Franġiskani konventwali qed tuża biex tagħti togħma tal-ħajja f’parroċċa lil dawk li juru interess jibdew it-triq għas-saċerdozju.
Tinsab f’nofs arterja ewlenija fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż. Il-knisja dedikata lill-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija nbniet min-nies tal-inħawi, ħafna minnhom raħħala.Tlestiet fl-1964. L-irħajjel ta’ Burmarrad li llum qed jiċċelebra 50 sena mindu sar parroċċa. Bħalissa, din il-parroċċa żagħżugħa b’400 familja u 1,200 parruċċan, qed titmexxa minn żewġ patrijiet żgħażagħ mill-ordni tal-patrijiet Franġiskani Konventwali.
Il-Kappillan, Patri Christian Borg qal li għall-komunità ta’ Burmarrad, l-parroċċa tgħaqqad lil kulħadd u minkejja li ilha mwaqqfa biss mill-1971, għandha storja twila. Dan b’referenza għall-kappella ta’ San Pawl Milqi li tinsab ftit passi ‘il bogħod, fejn l-anzjani jgħidu li kienu jinġabru qabel ma nbniet din il-knisja.
“Il-parroċċa l-irwol tagħha hu li tieħu ħsieb lill-bniedem fil-mumenti kollha tiegħu – spiritwali, imma ukoll soċjali u umanitarju, speċjalment f’raħal ċkejkna fejn hi l-unika punt ta’ riferiment għaliex m’għandniex istituzzjonijiet oħra.”
Burmarrad hi waħda minn tliet parroċċi li għandhom il-Patrijiet Franġiskani Konventwali fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Patri Allistair Aquilina qal li din il-parroċċa qed isservi fost oħrajn biex żgħażagħ jieħdu togħma ta’ x’toffri il-vokazzjoni saċerdotali. Kompla li bħala patrijiet, kemm jista jkun jippruvaw jilbsu ż-żarbun tan-nies ta’ madwarhom.
“Nippruvaw ngħixu dak li msejħin għalih. Komunità li tilqà, li tgħix fil-prezena tan-nies, għax il-Franġiskani hekk magħrufin, li jgħixu fil-preżenza tan-nies. L-istil tal-ħajja tagħna li ma tkunx ħafna differenti minn dawk tan-nies ta’ madwarna.”
Minbarra ċelebrazzjonijiet lituriġiċi fil-Knisja, fosthom b’quddiesa l-Ħadd filgħodu li tmexxiet mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi, dan l-anniversarju qed jitfakkar b’mumenti ta’ talb u adorazzjoni għall-komunità.
“B’dan l-anniversarju, anke fl-isfond tal-pandemija li qed ngħixu, jalla tkun okkażjoni li l-bniedem, il-parruċċani, jalla jkun post fejn bniedem jista’ jgħix u jħoss il-preżenza ta’ Alla fil-ħajja tiegħu.”
Iż-żewġ patrijiet qalu li fil-qofol ta’ ħidmiethom, hemm il-prinċipju li jkunu ta’ servizz għal kull persuna li tgħix u taħdem f’Burmarrad.