Internet
Il-parti tal-internet li mhix illegali iżda mifnija bid-droga u l-pornografija tat-tfal

Mhuwiex illegali li taċċessah, u proprju nħoloq sabiex jiffaċilita l-komunikazzjoni sigrieta. Arma utli kemm għas-sigurtà kif ukoll għal-libertà tal-ħsieb f’pajjiżi fejn dan il-virtà hu mxekkel. Iżda bħalma s-sikkina tat-tisjir tista’ tintuża għal delitt, l-istess id-Dark Web, porzjon mill-Internet aċċessibli b’software speċifiku li aktar kemm jgħaddi żmien aktar qed jitfa’ pressjoni fuq il-forzi tal-ordni.

Fil-fatt ilbieraħ il-Europol ħabbret li arrestat 150 suspettat involuti fil-bejgħ u x-xiri ta’ armi u drogi fuq id-dark web, bil-valur maħsub li jaqbeż is-26 miljun ewro. L-Operazzjoni Dark HunTor rat l-involviment tal-Pulizija mill-Italja, il-Ġermanja, l-Olanda, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, fost oħrajn.

F’Malta wkoll hawn familjarità mad-Dark Web, fil-fatt fil-programm ‘Carter Jirrapporta’, il-ġurnalist Liam Carter. flimkien ma’ esperti tas-settur, għarblu s-swieq illegali.

Il-programm jinkludi intervisti mal-Assistent Kummissarju Dennis Theuma u l-Ispettur Timothy Zammit, responsabbli għat-taqsima tas-Cyber Crime, li spjegaw kif il-Pulizija ta’ Malta jkollha diversi investigazzjoijiet b’rabta mad-dark web. L-Ispettur Zammit jispjega li sal-ewwel sitt xhur tas-sena l-investigazzjonijiet kienu diġà qabżu l-elfejn.

“Matul l-aħħar xhur u minn żmien għal żmien il-Pulizija kellha suċċess fejn jidħol Dark Web, fejn ġew identifikati persuni li kienu qed jixtru eżempju drogi fuq id-Dark Web, u allura l-Pulizija kienet irnexxielha tinterċetta d-droga u ressqithom lejn il-ġustizzja,” fisser l-Ispettur Zammit.

L-Ispettur Zammit qal li minħabba li l-kriminal dejjem jisfrutta t-teknoloġija għal-skop malizzjuż, il-Pulizija qed tirreaġixxi għal dan mhux biss bil-monitoraġġ, iżda wkoll billi ttejjeb l-informazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi oħra.

Carter Jirrapporta se jixxandar illejla wara l-bulettin tal-aħbarijiet tat-8.00pm fuq TVM.