Politika
Il-Partit Laburista għadu jattira nies ġodda b’rieda u entużjażmu – Il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li tmien snin wara li tela’ fil-Gvern, il-Partit Laburista għadu jattira nies ġodda lejh b’rieda u entużjażmu biex il-pajjiż jibqa’ fit-triq li jkun l-aqwa pajjiż fl-Ewropa.

Dr Abela qal li l-partit Laburista baqa’ partit ħaj, għax baqa’ jiġġenera lilu nnifsu.

Intervistat fuq One Radio, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-Gvern iffukat u ddeterminat li jkompli jwettaq proġetti li jippreparaw lill-pajjiż għall-futur, minn infrastuttura, ekonomija, u ambjent. Qal li l-Partit Laburista qed jattira kandidati ġodda, b’ideat innovattivi biex jitkattar il-ġid fil-pajjiż.

Dr Abela qal li fil-pandemija kienet importanti ħafna d-diġitalizazzjoni, fejn diversi setturi tal-ħajja urew li hemm bżonn ta’ bidla. Qal li ħafna proċessi saru diġitalizzati u l-ekonomija baqgħet għaddejja.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern kompla jmexxi bil-prinċipju ewlieni li jinvesti fin-nies, fosthom b’viżjoni għas-servizzi finanzjarji għat-tliet snin li ġejjin. Anki f’dik li hija bidla fil-klima, li hija opportunità għall-ekonomija, għax huwa proċess li se jagħti ċans biex pajjiżna jaqleb għal vetturi li jaħdmu bl-elettriku, li se joħolqu opportunitajiet ta’ iktar xogħol.

Huwa rrefera għall-viżjoni ekonomika tal-Gvern għall-għaxar snin li ġejjin, varata ftit tal-jiem ilu, bil-għan li l-ekonomija ta’ pajjiżna tkun innovattiva, sostenibbli u l-aqwa fid-dinja. Qal li din hija viżjoni rivoluzzjonarja li biha l-Gvern qed iħares lejn is-sena 2050 b’miri tal-Green Deal bħala opportunità li jinħoloq iżjed xogħol u opportunitajiet ta’ investiment.

Tkellem dwar it-tieni interconnector fis-sena 2025 biex pajjiżna jkun ippreparat għad-domanda tal-elettriku għas-snin li ġejjin, filwaqt li għall-kritika tal-oppożizzjoni li dan il-Gvern ikkopja lill-Partit Nazzjonalista, Dr Abela qal li kieku dan il-Gvern ikkopja lill-Partit Nazzjonalista kien jgħolli l-kontijiet tad-dawl, kif għamel meta kien fil-Gvern b’nofs biljun ewro.

Qal li t-tieni interconnector hemm bżonnu għaliex Gvern Nazzjonalista kien għamel l-ewwel interconnector mingħajr ma ħaseb għall-futur, u forsi wkoll għax ma basarx kif bi Gvern Laburista, l-ekonomija tal-pajjiż se tikber tant. Dr Abela qal li kif jista’ qatt il-Partit Nazzjonalista jikkritika lill-Gvern, meta kien hu li għażel il-Heavy Fuel Oil għall-power station, li huwa l-agħar għażla minħabba l-ħsara f’saħħet in-nies u l-ambjent. Bil-kuntarju, dan il-Gvern issa qed iħares li jħaddem l-elettriku bil-Hydrogen u l-Green Hydrogen.

Qal li d-differenza bejn Partit Nazzjonalista u dak Laburista hija li wieħed jmexxi bil-medjokrità, filwaqt li dan il-Gvern jemmen bl-eċċellenza. Qal li bħala Prim Ministru jemmen fil-kwalitajiet tan-nies, fosthom fis-settur tal-enerġija, fil-qasam tan-negozju, u fl-infrastruttura.

Dr Abela rrefera għat-tmien miljun ewro li ta l-Gvern lill-Hospice Malta, proġett soċjali biex tingħata kura paljattiva b’dinjità għal min ikun wasal qrib it-tmiem tal-ħajja. Huwa appella lill-oppożizzjoni li anki jekk b’titjib fir-regolamentazzjoni tal-programm taċ-ċittadinanza, l-oppożizzjoni taħdem id f’id mal-Gvern, għax huwa permezz tal-programm taċ-ċittadinanza li qed jitwettqu tant proġetti kbar soċjali għall-ġid tan-nies.